Sport Waterpolo

Neptunes erba’ punti vantaġġ fil-quċċata

Neptunes Grimaldi resqu pass ieħor lejn ir-24 kampjonat fl-istorja meta b’wirja tajba għelbu liċ-champions San Ġiljan Salini Resort 10-6 biex fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti b’żewġ partiti għat-tmiem.

Il-logħba kienet studjata tajba miż-żewġ timijiet, b’Neptunes ikunu aktar perfetti fid-difiża u ċiniċi fl-attakk. It-tim ta’ Maslovar ħadu vantaġġ minn bidu tajjeb li bih setgħu jamministraw il-partita aħjar, b’San Ġiljan ikunu kostretti jiġru wara r-riżultat il-partita kollha.

Iż-żewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu s-Sibt li ġej fil-finali għan-knock-out fejn żgur li San Ġiljan se jinżlu preparati biex ipattu għal din it-telfa u jiksbu t-tielet tazza din is-sena.