Sport Waterpolo

Neptunes matematikament Champions

Neptunes Grimaldi huma matematikament champions għal 24 darba meta għelbu lil Sliema Betsson 14-9 biex jinsabu seba’ punti fuq l-eqreb rivali San Ġiljan Salini Resort, bil-Ġiljaniżi fadlilhom żewġ partiti għal tmiem il-kampjonat. Wirja tajba ta’ Neptunes li dejjem kienu ftit aħjar mill-avversarji u żammew vantaġġ tajjeb tul il-partita li wassalhom għar-rebħa deċiżiva. Logħba pjuttost miftuħa bil-gowls ma jkunux nieqsa speċjalment fl-ewwel parti tal-logħba.

Sliema ħarġu determinati li jirbħu l-partita tant li kienu huma li fetħu l-iskor minn Christian Cluett. Neptunes wieġbu minn Cosmin Radu, iżda Cuk reġa’ poġġa lis-Slimiżi fil-vantaġġ sakemm doppjetta ta’ Jordan Camilleri u gowl ta’ Timmy Agius tefgħu lil Neptunes 4-2 minn fuq.

Abela għamilhom 5-2 fit-tieni sessjoni, iżda Sliema wettqu reazzjoni u waslu sa gowl minn taħt. Immedjata kienet ir-reazzjoni ta’ Neptunes li grazzi għal Abela u Jordan Camilleri reġgħu marru tliet gowls minn fuq, liema distakk żammewh sa tmiem is-sessjoni.

Neptunes naqsu ftit mir-ritmu, u ppermettew lil Sliema li jidħlu aktar fil-partita, fejn it-tim ta’ Milakovic bdew iżidu l-isforzi tagħhom u wara l-gowl ta’ Camilleri, doppjetta ta’ Jerome Gabarretta għamlet l-iskor 10-8, b’Kai Dowling saħansitra jkollu ċ-ċans li jnaqqas id-distakk għal gowl, iżda falla mill-viċin.

Neptunes komplew jamministraw u jiskurjaw fl-aħjar mumenti u l-gowl ta’ Radu kien dak deċiżiv għal partita, b’Jeremy Abela u Stevie Camilleri jissiġillaw ir-rebħa.