Lokali

“In-nies bir-raġun imħassba dwar it-terroriżmu” – Simon Busuttil

“In-nies għandhom raġun jitħassbu dwar it-terroriżmu għaliex dan huwa fenomenu nkwetanti għal numru ta’ raġunijiet, fosthom li dan jista’ jolqot kullimkien u lil kulħadd, u li issa anke qed isir minn bniedem wieħed li jagħmilha diffiċli li jiġi miġġieled minn qabel. Dawn huma affarijiet li n-nies qed jinkwetawhom”.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101. Simon Busuttil tkellem dwar l-attakki terroristiċi tal-aħħar jiem li qed iwasslu biex in-nies jistaqsu humiex safe jew le. Hu qal li dan huwa żmien diffiċli fuq livell Ewropej u internazzjonali. “It-terroriżmu llum sar spiss wisq u hu ta’ tħassib kbir għan-nies,” qal Simon Busuttil, filwaqt li fakkar li minbarra l-inċidenti f’Nizza u Munich fil-jiem li għaddew, ftit tax-xhur ilu kien hemm l-attakki terroristiċi fi Brussell u f’Pariġi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nsista li l-Gvern u l-awtoritajiet jindirizzaw dan it-tħassib, u appella lill-Gvern biex jara li s-sigurtà tittieħed bis-serjetà. Hu qal li jista’ jkun hemm dubji dwar dan anke peress li ngħataw eluf ta’ visas bl-addoċċ, tant li l-persuna li kienet qed tmexxi l-Konsolat fl-Alġerija kellha tinġieb lura Malta minħabba f’dan l-iskandlu.

Tħassib ieħor li semma’ l-Kap tal-Partit Nazzjonalista hu l-fatt li pajjiżna ilu 3 xhur mingħajr Kummissarju tal-Pulizija, u li l-Aġent Kummissarju tpoġġa fil-kariga biss biex ma jinvestigax liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi li nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Simon Busuttil qal li l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex iserrħu ras in-nies li għandhom raġun jinkwetaw. Hu rrefera wkoll għas-sitwazzjoni fit-Turkija fejn il-ġimgħa li għaddiet kien hemm attentat ta’ kolp ta’ stat li falla, li iżda wassal għal reazzjoni sproporzjonata minn naħa tal-Gvern Tork li wasslet għat-tkeċċija ta’ aktar minn 60,000 persuna mill-ġudikatura u minn xogħlhom ta’ lekċerers u ġurnalisti. Dwar dan, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista għandu dubji dwar kemm għandhom jitkomplew in-negozjati tal-Unjoni Ewropea mat-Turkija f’din is-sitwazzjoni.

Intervista Kap Radio 101 (5 of 6)

Irridu li l-familji Maltin u Għawdxin kollha jgawdu mill-ekonomija

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-viżjoni ekonomika tal-Partit Nazzjonalista hi li l-ekonomija tkun hemm għan-nies, u li l-familji Maltin u Għawdxin kollha jgawdu mill-ekonomija. Hu rrefera għad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru aktar kmieni din il-ġimgħa li qal li ma jridx li l-Freeport ta’ pajjiżna jkompli jikber. Hu fakkar li l-Freeport huwa storja ta’ suċċess u li minnu jiddependu mijiet ta’ familji Maltin.

Simon Busuttil qal li t-tir tal-Partit Nazzjonalista mhux biss li joħloq jobs ġodda – fosthom f’settur differenti bħal dawk fis-settur marittimu u tal-loġistika, iżda li joħloq jobs b’pagi tajbin. Affarijiet oħra li huma ta’ tħassib fl-ekonomija ta’ pajjiżna, qal Simon Busuttil, huwa l-infiq żejjed mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi, fost l-oħrajn f’position of trusts li jiddaħħlu biss għaliex huma parti mill-klikka ta’ Muscat.

Simon Busuttil irrefera wkoll għall-aħbar żvelata minn The Sunday Times of Malta, li l-Prim Ministru Muscat se jieħu miegħu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi s-Singapore biex jaraw it-tanker tal-gass li se jġibu f’Malta u li jiswa’ mijiet ta’ miljuni. Hu fakkar li dan it-tanker jinsab f’nofs kontroversja, u staqsa kif Muscat ma jistħix jieħu miegħu lil Schembri u Mizzi u li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija.

Għall-korruzzjoni, qed tħallas int

Simon Busuttil sostna li għall-korruzzjoni li fniet dan il-Gvern, qed iħallas il-poplu Malti u Għawdxi, fost l-oħrajn fi prezzijiet għolja għall-petrol u d-diesel. Hu sostna li għall-korruzzjoni qed iħallsu dawk il-ħaddiema li qegħdin b’paga baxxa u li mhux ilaħħqu mal-ħajja minħabba l-paga baxxa, dawk li qegħdin bis-social housing kif ukoll dawk li għandhom bżonn assistenza soċjali u mhix tingħatalhom. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma wkoll li anke min għandu l-kanċer u jmur jittallab għall-mediċini qed iħallas għall-korruzzjoni, kif ukoll dawk li jkollhom jistennew ix-xhur għal appuntament l-Isptar u dan jiġi pospost biex minflokhom jiddaħħal xi ħadd ieħor.


Il-problema ta’ pajjiżna hi li t-tmexxija m’għandiex boxxla morali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-problema ta’ pajjiżna hi li t-tmexxija m’għandiex boxxla morali, u dan peress li Joseph Muscat rema’ kull livell ta’ etika u valuri. Hu rrefera għad-dibattitu Parlamentari dwar il-bidliet fl-istanding orders, u sostna li l-Gvern, flok jagħti aktar poteri lill-Parlament, qed jara kif jaħtaf u jikkontrolla kollox hu. Hu ta eżempju bil-fatt li l-Gvern irid li l-voti jittieħdu darba fil-ġimgħa, xi ħaġa li mhix konsistenti mal-multi għad-Deputati li ma jattendux il-Parlament – xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista jaqbel magħha. Simon Busuttil qal li dan qed isir biex il-Ministri u l-Prim Ministru jagħmlu li jridu u jsiefru kemm iridu – bħalma jagħmel il-Prim Ministru ta’ spiss bil-private jet, li kif ġie żvelat swiet lill-poplu Malti u Għawdxi s-somma ta’ €1.2 miljun.

Minn naħa l-oħra, l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li jingħata aktar poter lill-Parlament, fost l-oħrajn bl-introduzzjoni ta’ Prime Minister Question Time, fejn id-Deputati jkollhom iċ-ċans li darba fil-ġimgħa, għal 30 minuta, jagħmlu l-mistoqsijiet diretti lill-Prim Ministru. “X’inhi r-raġuni li l-Prim Ministru qed jibża jwieġeb il-mistoqsijiet?” staqsa Simon Busuttil. Proposta oħra li qed tagħmel l-Oppożizzjoni hi li jitwaqqaf Kumitat tal-Petizzjonijiet biex in-nies ikunu jistgħu jagħmlu l-ilmenti tagħhom direttament quddiem il-Parlament.

Simon Busuttil attakka l-fatt li l-Prim Ministru ma ħax azzjoni kontra d-Deputat Laburista Michael Falzon li, fil-Parlament, fetaħ attakk feroċi kontra l-Awditur Ġenerali, li hi waħda mill-ftit istituzzjonijiet indipendenti li baqa’ f’pajjiżna – attakk li wassal biex l-istess Awditur Ġenerali jibgħat ittra lill-Parlament biex jiddefendi l-indipendenza tiegħu.

Simon Busuttil temm jgħid li l-missjoni politika tiegħu hi li jnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna darba għal dejjem, u jassigura li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jkunu tassew indipendenti.