Lokali

Nirnexxu Lkoll Flimkien: it-tema magħżula mill-PN għall-Festi tal-Indipendenza 2016

Il-Partit Nazzjonalista nieda t-tema tal-Festi tal-Indipendenza 2016: Nirnexxu Lkoll Flimkien. Il-Festi fuq il-Fosos tal-Furjana se jkunu qed jiġu organizzati bejn is-Sibt, 17 u t-Tlieta, 20 ta’ Settembru. Madankollu, mill-Ħamis, 1 ta’ Settembru se jkunu qed jiġu organizzati attivitajiet ta’ kuljum f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Waqt intervista fuq Radio 101 fil-jiem li għaddew, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake qalet li wara s-suċċess tal-Festi tas-sena li għaddiet fil-Belt, biex jitfakkar il-135 sena mit-twelid tal-Partit Nazzjonalista, din is-sena l-Partit se jerġa’ jkun qed jiċċelebra din il-Festa ftit metri bogħod minn fejn fil-21 ta’ Settembru 1964 saret iċ-ċerimonja li ddikjarat lil Malta pajjiż Indipendenti.

Ta’ kull sena, il-Partit Nazzjonalista jorganizza l-Festi tal-Indipendenza, li matulhom mhux biss jiċċelebra l-akkwist tal-Indipendenza għal pajjiżna fl-1964, iżda wkoll jagħti bidu għall-istaġun politiku lejn l-aħħar ta’ Settembru.

Biex tkun aġġornat dwar dawn il-Festi u dwar l-attivitajiet kollha li se jsiru matul Settembru, segwi l-paġna @indipendenzamalta fuq Facebook.