Lokali Saħħa

Nuqqas ta’ Konsulenti fl-Isptar Mater Dei

Hi illuzjoni jekk il-Gvern jaħseb li l-problema tal-waiting lists għall-operazzjonijiet ġiet solvuta – MAM

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) wissiet li d-Dipartiment tal-Emerġenza u partijiet oħrajn tal-Isptar Mater Dei jinsabu f’kundizzjoni kritika u fi stat ħażin għax huma mgħobbija żżejjed b’nuqqas ta’ Konsulenti.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan kien ikkwotat minn The Times of Malta li d-Dipartiment tal-Emerġenza hu l-aktar Dipartiment mgħobbi fl-Isptar Mater Dei, għalkemm ma ngħata kważi l-ebda Konsulent ġdid biex jittaffa l-“volum ta’ xogħol li dejjem qed jiżdied”.

Martin Balzan sostna li r-rapport annwali tal-Isptar juri li ż-żoni li għandhom ikunu meqjusa bħala “ta’ prijorità”, mhux jiġu indirizzati. Hu qal li s-sena li għaddiet, id-Dipartiment tal-Emerġenza ra madwar 128,000 pazjent, jiġifieri żieda ta’ aktar minn 7% fuq is-sena ta’ qabel.

Barra minhekk, Taqsimiet magħrufa bħala “tal-Ispeċjalisti Mediċi” wkoll ma ġewx ipprovduta bi Speċjalisti ġodda.

Sadanittant, Kelliema għall-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qalet li fl-aħħar sentejn, id-Dipartiment tal-Emerġenża ra trasformazzjoni kbira b’żieda fil-faċilitajiet. Dwar l-istaff, il-Kelliema għamlet referenza biss għal żieda fl-infermiera, f’konferma għad-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-MAM li ma kienx hemm żieda fil-Konsulenti meħtieġa.

Martin Balzan qal li dan in-nuqqas ġenerali ta’ Konsulenti ġodda qed iwassal għal stennija twila fl-Isptar Mater Dei. Sostna li l-pazjenti kienu qed jistennew għal aktar minn sena qabel ma jiġu eżaminati minn Speċjalista fl-Isptar.

Il-MAM qed issostni li matul is-sena li għaddiet intilfu aktar minn 60,000 appuntament mill-pazjenti fl-Isptar Mater Dei. Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni jsostni li hi illużjoni jekk il-Gvern jaħseb li l-problema tal-waiting lists għall-operazzjonijiet ġiet solvuta, għax dan mhux minnu.