Lokali

Nuqqas ta’ konsultazzjoni minn Transport Malta

Il-Kunsill Lokali tar-Rabat jilmenta li ma kienx infurmat dwar l-arranġamenti tat-traffiku waqt xogħol li sar fit-triq lejn il-Baħrija

Il-Kunsill Lokali tar-Rabat fi stqarrija lmenta dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni min-naħa ta’ Transport Malta meta jsiru proġetti infrastrutturali kbar, partikolarment dwar l-implimentazzjoni u l-immaniġġjar tat-traffiku waqt ix-xogħol li sar fl-aħħar ġimgħat fit-triq li mir-Rabat tagħti għall-Baħrija.

L-istqarrija tgħid li wieħed jifhem li x-xogħol irid isir “imma r-residenti li joqogħdu fil-parti mhux urbana kif ukoll dawk li joqogħdu fiċ-ċentru tar-Rabat ilmentaw għal diversi drabi mal-Kunsill dwar t-tibdil li kien qiegħed iseħħ kontinwament, kif ukoll dwar ir-rotot mibdula temporanjament.” Hija ħasra li l-Kunsill ma jkunx infurmat minn qabel dwar it-tibdil li jkun se jsir, b’detriment għar-residenti li ma jkunux infurmati minn qabel, qal il-Kunsill.

Ir-residenti tal-Baħrija kienu ilhom aktar minn ġimgħa jitolbu lill-awtoritajiet għal servizz minħabba x-xogħlijiet li kienu qed isiru

Intant, in-nuqqas ta’ ippjanar minn Transport Malta u l-kumpanija Autobuses de Leon b’rabta max-xogħlijiet infrastrutturali fil-Baħrija wasslu biex ir-residenti kienu ilhom iktar minn ġimgħa mingħajr servizz tal-linja.

Ir-rotta numru 109, li qabel kienet titlaq minn Ħaż-Żebbuġ u tidħol il-Baħrija, kienet qed tieqaf sar-Rabat. Ir-residenti li tkellmu ma’ Netnews.com.mt spjegaw li kienu ilhom iktar minn ġimgħa, sa minn qabel beda x-xogħol, jitolbu li tinstab alternattiva.