Lokali

Omar Osman imfittex mill-Pulizija

Il-Pulizija qed ifittxu lis-Somalu ta’ 36 sena Omar Osman li jinsab barra fuq liberta’ proviżorja iżda ma deherx il-Qorti għal każ li għaddej kontrih.

F’pajjiżna, Osman affaċċja numru ta’ akkużi, fosthom kompliċita’fi stupru u kien inżamm arrestat għal ħames snin sħaħ bejn l-2007 u l-2012 fejn għal tliet snin sħaħ ġiet rifjutata l-garanzija personali.

Fl-2009 imbagħad il-liberta’ proviżorja nħarġitlu għas-somma ta’ €6,000 u tnaqqset għal €4,000 fl-2011. Din kienet tħallset minn żewġ benefatturi Ingliżi iżda kienet irtirata wara li Osman kiser il-kundizzjonijiet għal numru ta’ drabi.

Is-Somalu fl-2013 kien kompliċi ma’ Ahmed Abdalla Yakoup f’agressjoni fuq eks cadet tar-Royal Marines, iż-żagħżugħ Justin Aquilina li dakinhar kellu 18-il sena.

Fl-2014 Osman imbagħad reġa ntbagħat il-ħabs u ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs, din id-darba wara li ammetta li daħal illegalment f’yacht lussuż ta’ negozjant Libjan minn fejn seraq laptop, arloġġ u mobile.

Minkejja dawn il-każi, Osman bħalissa jinsab liberu iżda f’risposta għall-mistoqsijiet ta’ dan is-sit, il-Pulizija kkonfermaw li Osman hu mfittex biex jitressaq il-Qorti wara li naqas li jagħmel dan minn jeddu.