Internazzjonali

Omm iddendel tarbija minn tieqa ‘f’mument tal-ġenn bħal ta’ Michael Jackson’

Mara fir-Renju Unit esponiet lit-tarbija tagħha għal periklu kbir meta dendlitha minn tieqa filwaqt li għajjtet ‘Wacko Jaco’, b’referenza għall-kantant popolari Michael Jackson, li miet fl-2009.

Ix-xena kienet simili għal meta Jackson innifsu, fl-2002, kien dendel lill-ibnu, li jismu Blanket, minn gallarija tal-Lukanda Adlon, f’Berlin u fejn in-nies kienu rrimarkaw dwar l-istat mentali tal-kantant.

Intant, il-mara (li ma ssemmietx għal raġunijiet legali) ħarġet lit-tarbija minn tieqa u żammitha mdendla minn dirgħajha waqt li, warajha, ir-radju kien qed idoqq kanzunetta ta’ Michael Jackson. L-inċident, li seħħ aktar kmieni din is-sena, kien żvelat meta missier it-tarbija ra r-ritratti ta’ dik ix-xena xokkanti fuq telefon ċellulari.

L-omm tressqet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Hull fejn ingħatat sentenza ta’ ħabs sospiża għal sittax il-ġimgħa. Hi ammettiet li għamlet xi ħaġa stupida ħafna u qalet li ‘kienet għaddejja minn mument bħal ta’ Michael Jackson’. Il-mara, fil-preżent, qed tgħaddi minn programm ta’ rijabilitazzjoni taħt is-superviżjoni tal-probation service.