Qorti

Ordnati jħallsu €11,079 għall-ispejjeż mediċi ta’ pensjonant Ingliż

It-Tabib Prinċipali tal-Gvern (CGMO) u l-Kap tal-Entitlement Unit fil-Ministeru tas-Saħħa kienu ordnati jħallsu iktar minn €11,000 fi spejjeż mediċi ta’ pensjonant Ingliż meta l-awtoritajiet tas-Saħħa maltin irrifjuta li jħallsu għal dawn l-ispejjeż.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, semgħet li John Dodds ta’ 77 sena, ilu jgħix Malta sa mill-1996 u ilu reġistrat mal-Entitlement Unit sa mill-2006. Fl-2009, hu waqa f’koma waqt li kien f’vaganza fi Franza u nżamm f’dar ta’ kura għall-anzjani sakemm irkupra.

Minn hemm, hu mar fl-Olanda, fejn għandu polza tal-assigurazzjoni sabiex jingħata iktar kura minħabba l-kundizzjoni tiegħu fejn għandu riġel amputat. Kien hawnhekk, li żviluppalu anewriżmu f’arterja u kellu bżonn operazzjoni oħra għaliex kien fil-periklu li jitlef ir-riġel l-ieħor. B’riżultat ta’ dan, hu ma setax jivvjaġġa bl-ajru.

Dodds kien jikkorrispondi b’mod regolari mal-awtoritajiet Maltin bejn l-2009 u l-2010 waqt il-konvalexxenza u kien għamilha ċara li ma setax jivvjaġġa u li kellu bżonn operazzjoni b’mod urġenti. Minkejja li tahom id-dettalji kollha tal-operazzjoni u l-kirurgu fl-Olanda minn qabel, l-Entitlement Unit irrifjuta li joħroġlu l-European Health Insurance Card fejn qalu li sakemm l-applikazzjoni tkun proċessata, il-kartolina tiegħu kienet tiskadi.

Il-Maġistrat Scerri Herrera ċaħdet l-argumenti tad-difiża u l-anzjan kien avża lill-awtoritajiet minn qabel l-operazzjoni u ma jidhirx li l-awtorizzazzjoni hi meħtieġa sabiex tkun proċessata. Għaldaqstant, il-Qorti ordnat lill-awtoritajiet tas-saħħa iħallsu €11,079 lill-anzjan.