Lokali

Paġna tal-ultras bil-filmat tal-ġlieda tal-Kroati f’Paceville – jisfidaw lis-Serbi għall-ġlied

Partitarji Kroati u Serbi komplew jisfidaw lil xulxin għall-ġlied u jitgħajjru saħansitra anke’ fuq Facebook wara li paġna popolari tal-ultras tellgħet il-filmat ta’ dan is-sit b’rabta mal-ġlieda tal-lejl li għadda f’Paceville.

Kif irrapurtat iktar kmieni, matul il-lejl li għadda nqalgħet ġlieda kbira bejn numru żgħir ta’ partitarji Kroati u bouncers Serbi li jaħdmu fi stabbilimenti tad-divertiment.

Il-bouncers Seri spiċċaw jinqaflu fi stabbiliment tad-divertiment, bil-Kroati fuq barra jwaddbu fliexken, siġġijiet, imwejjed u kull ma sabu f’idejhom. Dan is-sit huwa nfurmat li l-Pulizija arrestaw 6 persuni.

Ftit wara, seħħet ukoll ġlieda oħra bejn Serbi u Kroati fil-Bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.

Intant iktar kmieni llum kienu arrestati diversi partitarji Kroati f’Pembroke wara li dawn kienu qed jarmaw banners ta’ provokazzjoni bi preparazzjoni għal partita tal-lejla bejn Malta u l-Kroazja.

B’kollox inġabru disa’ Kroati u waqt tfittxijiet f’xi appartamenti nstau ġebel u biċċiet tal-ħadid maħsuba li kienu biex jintimidaw lill-Maltin qabel il-partita f’Ta’ Qali.

Fid-dawl tar-riskju li llejla jinqala’ l-inkwiet, anke’ għaliex f’Malta hawn mat-380 Kroat li mhux se jitħallew jidħlu l-grawnd, mistennija preżenza qawwija ħafna ta’ Pulizija armati kif ukoll suldati għall-eventwalita’ li dawn jikkawżaw xi ġlied.