Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri għamlu mill-inqas sitt tentattivi ma’ sitt banek biex jipprovaw jiftħu kont bankarju barra minn Malta. Kont bankarju li kellu jkun marbut mal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, Hearnville Inc. (ta’ Konrad Mizzi) u Tillgate (ta’ Keith Schembri).
Dan ġie żevlat l-Erbgħa filgħodu fil-website tal-Australian Financial Review f’artiklu illi jikxef korrispondenza li għaddiet bejn Mossack Fonseca fil-Panama u Nexia BT f’Malta, f’isem il-klijenti tagħhom Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Fl-artiklu jissemmew is-sitt banek illi Mossack Fonseca kellmet biex tipprova tiftaħ konta bankarju għad-Deputy Leader Laburista u ċ-Chief of Staff ta’ Muscat. Dawn il-banek huma:
FPB Bank (Panama),
Itau Bank (Miami),
Brickell Bank (Miami),
BSI Bank (Panama),
u żewġ banek oħra fil-Karibew – Santa Lucia International u Winterbotham Trust Bank fil-Bahamas.
Dawn apparti l-bank f’Dubaj li diġa’ issemma’ ftit tal-jiem ilu meta kienu ħarġu l-ewwel dettalji tal-Panama Papers.
Mossack Fonseca tkellmu ukoll ma’ Cidel Financial Group.
Riedu minimu ta’ $1 miljun biex jinfetaħ kont bankarju
Il-ġurnal Australian Financial Review żvela wkoll illi Konrad Mizzi u Kieth Schembri qalu illi riedu jużaw il-kumpaniji sigrieti fil-Panama biex ipoġġu fihom shares ta’ kumpaniji li jaħdmu fl-oqsma tar-riċiklaġġ u l-gaming.
Jekk dan huwa veru, anke Keith Schembri inqabad jigdeb f’dan l-iskandlu kollu. Għaliex fi tweġiba li kien ta nhar il-Ħadd lit-Times, huwa kien qal illi l-kumpanija sigrieta fil-Panama ried jużaha “biss għal skopijiet ta’ estate planning”.
Mid-dokumenti tal-Panama Papers joħorġu fatti oħra interessanti. Mossack Fonseca riedet miljun dollaru Amerikan mingħand Konrad Mizzi u miljun dollaru mingħand Keith Schembri sabiex tiftaħ il-kontijiet bankarji tagħhom.
Nexia BT għażlu bank fil-Panama
Joħroġ ukoll li Nexia BT infurmaw lil Mossack Fonseca illi Konrad Mizzi u Keith Schembri riedu jiftħu dawn il-kontijiet fil-bank BSI tal-Panama bħala l-għażla preferuta tagħhom.
L-aħħar email li jidher fil-Panama Papers, bid-data tat-2 ta’ Diċembru, juri li Karl Cini f’isem Nexia BT ta struzzjonijiet lill-Mossack Fonseca sabiex dawn il-kontijiet bankarji marbuta mal-kumpaniji sigrieti fil-Panama jinfetħu.
Fl-aħħar jiem ġie żvelat illi il-proċess biex jinfteħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama beda ħamest ijiem wara l-elezzjoni.
Tissemma’ ukoll it-tielet kumpanija sigrieta bl-isem ta’ Egrant, illi sa issa ħadd ma jaf eżatt ta’ min hi.