Lokali

PANAMA PAPERS: Mizzi u Schembri “iġġerrew bla rażan” biex isibu safe haven

F’artiklu ġdid ippubblikat illum mill-Australian Financial Review ġie żvelat kif Konrad Mizzi u Keith Schembri baqgħu jiġġerrew bla razan u kienu qed joħolqu “Odisseja” bla preċedent sabiex jiftħu kont bankarju sigriet barra l-pajjiż.

“It-tentattivi tal-politiċi Maltin kienet qisa biċċa letteratura ta’ Omeru”, bl-uniku skop tagħhom ikun li jsibu safe haven li fih jiftħu kont tal-bank.

Il-ġurnal Awstraljan jgħid li t-tentattivi ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu “iddisprati”. U wara ħames xhur, qalu li l-flus li kienu se jpoġġu fil-kontijiet kienu
se jiġu mir-riċiklaġġ tal-iskart u l-gaming.

“Mossack Fonseca għamlu tentattivi f’disa’ banek, inkluż f’Miami u l-Panama, fejn kien kważi ċert li lesti jaċċettaw il-flus tal-Maltin.

“Dawn it-tentattivi saru qishom il-famuża kitba ta’ Omeru, Odisseja bla tmiem biex isibu safe haven”, jgħid l-Australian Financial Review.

Ironikament, il-poeżiji ta’ Omeru huma assoċjati ma’ pajjiżna u mal-isem ta’ Calypso. Iżda jidher illi issa l-gżira ta’ Calypso saret il-gżira ta’ Mizzi u Schembri, għaliex il-ġurnalisti barranin qabblu l-attitudni tal-aktar żewġ persuni qrib Joseph Muscat mal-vjaġġ epiku tar-Re Grieg Ulisse.

Konrad Mizzi u Keith Schembri