Panama Papers – Muscat “diżappuntat imma impotenti quddiem il-ħsara li saret” – L-editorjal ta’ The Malta Independent

Minkejja li stqarr li jħossu diżappuntat bl-iskandlu tal-Panama Papers, fir-realta’ Joseph Muscat ma ħa ebda passi biex il-problema jaqtagħlha rasha u jwaqqaf il-konsegwenzi tagħha. U dan se jwassal biex l-iskandlu tal-Panama jibqa’ issue fl-opinjoni pubblika.

Din kienet il-konklużjoni tal-editorjal tal-ġurnal The Malta Independent b’reazzjoni għal intervista li saret dan l-aħħar mal-Prim Ministru Joseph Muscat li matulha hu qal li jinsab diżappuntat bl-iskandlu tal-Panama. L-editorjal ikompli li filwaqt li ammetta li kien disappuntat, Muscat ma kienx kapaċi jindirizza is-sitwazzjoni, li jmur għall-għerq tal-problema, jiżgura li s-sitwazzjoni ma tirrepetix ruħha u jagħmilha ċara xi jkunu l-konsegwenzi jekk wieħed isegwi fuq il-passi tal-Ministru Konrad Mizzi.

Illum għandna Prim Ministru li hu diżappuntat iżda fl-istess ħin impotenti quddiem il-ħsara li saret lil Malta u lill-amministrazzjoni tiegħu, ikompli l-editorjal ta’ The Malta Independent.

Il-ġurnal ikompli li filwaqt li Muscat jgħid li hu diżappuntat, fl-ebda ħin ma’ qal li hu diżappuntat b’Konrad Mizzi u b’Keith Schembri. “Bħallikieku id-diżappunt ġej minn xi Act of God li ħadd m’hu responsabbli għalih meta kulħadd jaf minn ikkawżah.”

L-editorjal ikompli li filwaqt li l-issue tal-iskandlu tal-Panama tinsab fl-isfond minħabba l-attakki terroristiċi u t-telqa tas-Sajf, din se terġa tfeġġ fil-pubbliku hekk kif jgħaddi s-sajf u l-poplu jerġa jibda jaħseb fuq il-politika u mentalment iħejji ruħu għall-elezzjoni ġenerali. Dan għaliex Joseph Muscat ma ħa ebda passi biex il-problema jaqtagħlha rasha u jwaqqaf il-konsegwenzi tagħha, itemm il-ġurnal.