Lokali

Paniku kbir f’Kastilja wara l-aħħar żviluppi fl-iskandlu tal-visas mediċi

Kampanja ta’ attakki fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, b’struzzjonijiet diretti minn Kastilja

Il-paniku li laħaq Kastilja fl-aħħar jiem kien wieħed kbir ferm – b’sorsi f’Kastilja jgħidulna li l-livell kien bħal dak fl-iskandlu tal-Panama – hekk kif ġiet żvelata link diretta bejn il-kriminalità u Kastilja.

Din ir-rabta għamilha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil il-Ħadd li għadda meta tkellem dwar l-aħħar żviluppi fl-iskandlu tal-ħruġ tal-visas mediċi lil persuni Libjani, u wara li The Malta Independent on Sunday żvelat li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf b’dan l-iskandlu.

Sorsi qrib Joseph Muscat fissru l-mod kif il-paniku li ħakem Kastilja wassal biex dawk viċin Muscat, immexxija miċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri – li nqabad li fetaħ kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfa’ s-senserija – bdew jaħdmu fuq kampanja ta’ attakk fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, bil-għan li jiprovaw itappnu l-kredibilità tiegħu, b’mod partikolari fuq l-iskandlu tal-visas mediċi.

L-istess sorsi komplew li fil-fatt, fi ftit siegħat, il-media tal-Partit Laburista bdiet tiprova tpenġi stampa li hemm xi forma ta’ paniku fil-Partit Nazzjonalista, u dan meta l-uffiċjali fil-Ministeri jafu li l-paniku jinsab f’Kastilja, hekk kif dawk viċin Muscat mhux isibu mod kif jistgħu jiddefendu l-provi ta’ korruzzjoni li ħerġin minn jum għall-ieħor dwar il-ħruġ tal-visas mediċi lill-Libjani.

Is-sorsi li tkellmu magħna, u li huma qrib Kastilja, spjegaw kif huwa evidenti li l-kampanja tal-Partit Laburista mhix qed tippenetra fil-media għajr fil-media Laburista. Waqt il-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, li matulha kien diskuss l-iskandlu tal-visas mediċi kien evidenti l-aġir tal-ġurnalisti Laburisti, li b’direzzjoni diretta minn Kastilja ntbgħatu barra d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.