Ewropa

PARLAMENT EWROPEW: “Hemm kriminali involuti fil-Panama Papers”

Fl-iskandlu tal-Panama Papers huwa ċar immens li hemm involuti nies kriminali. Hekk stqarrew diversi ġurnalisti illi dalgħodu ipparteċipaw f’seduta oħra tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew illi qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama.

Il-ġurnalisti tal-ICIJ spjegaw lill-MEPs illi Mossack Fonseca dejjem jaħdmu ma’ intermedjarji u mhux direttament mal-klijenti illi jiftħu dawn il-kumpaniji sigrieti.

“Is-sistema hija sempliċi – tmur għand l-intermedjarju u tieħu li trid”, qal ġurnalist Ġermaniż fit-testimonjanza tiegħu. “F’dan l-iskandlu hemm involuti ukoll banek Ewropej. Dan huwa skandlu li qed jiġri hawn, f’darna stess. Per eżempju, kellna każ ta’ intermedjarju li waqqaf 150 kumpanija sigrieta f’ġimgħa! U dan qed isir taħt imneħirna”.

Il-ġurnalisti proponew lill-Parlament Ewropew biex jaqbad lil dak illi issemmew fil-Panama Papers u jistaqsihom direttament minn fejn ġabu l-flus biex fetħu l-kontijiet bankarji u l-kumpaniji sigrieti tagħhom.

Waqt is-seduta, ġurnalista mill-Fillandja preżentat każ partikolari ta’ ħasil ta’ flus illi joħroġ mill-Panama Papers. “Dan l-iskandlu huwa diżgrazzja għall-Ewropa”, stqarret din il-ġurnalista.

Aktar tard tkellmu ukoll diversi MEPs li jiffurmaw parti minn dan il-Kumitat tal-Parlament Ewropew illi fl-interventi tagħhom poġġew domandi varji lill-ġurnalisti tal-ICIJ. Uħud mill-MEPs saħqu li l-Panama Papers huwa biss “the tip of the iceberg“. Huma qalu li l-akbar problema ta’ dawn il-kumpaniji sigrieti hija l-anonimita’, għalhekk hemm bżonn koperazzjoni akbar bejn il-Gvernijiet biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata.

PANA 2

Oħrajn semmew ir-riżenja tal-Prim Ministru Iżlandiż, illi warrab wara li ismu ħareġ fil-Panama Papers. Hu irriżenja mhux għax għamel xi ħaġa illegali, iżda fuq punt etiku u morali. Hawn, issemmiet ukoll il-ħtieġa illi jiġu protetti il-whistleblowers.

Ir-rappreżentant tas-Soċjalisti Peter Simon tkellem dwar il-proċessi tad-due diligence li jsiru mill-banek. Tkellmu anke rappreżentanti ta’ gruppi politiċi oħrajn bħall-ALDE u l-Popolari Ewropej.

Il-laqgħa li jmiss ta’ dan il-Kumitat se ssir fit-13 ta’ Ottubru.

simon pana

ana gomes