Internazzjonali

Passi kontra ‘ċenturjuni’ li jitolbu ħlas għar-ritratti

Il-kunsill ta’ Ruma ddikjara illegali l-aġir ta’ persuni li jilbsu ta’ ‘gladjaturi’, ‘ċenturjuni’ u ‘membri tal-Armata Rumana’ biex jieħdu r-ritratti mat-turisti għall-flus.

Dawn in-nies, fil-passat, qalgħu ħafna flus mit-turisti li ħafna minnhom ma ddejqux iħallsu għal xi ritratt ma’ ‘gladjatur’ quddiem attrazzjonijiet bħall-Kolossew u l-Funtana ta’ Trevi.

Intant, in-nies li jirrextaw ta’ Rumani ġieli jitolbu ħlas esaġerat u dawk it-turisti li jirrifjutaw talbiet ‘ta’ xi 20 ewro’ ġieli jispiċċaw jaqilgħu ħasla verbali – u mhux ftit tal-insulti – bid-djalett tipiku Ruman.

Issa l-awtoritajiet ta’ Ruma ddeċidew li jieħdu passi u ‘l-gladjaturi’ li jinqabdu jiksru l-liġi u jiffittaw it-turisti għal ritratti jkunu qed jissugraw multa ta’ xi 400 ewro.

Dan qed isir fuq l-inizjattiva ta’ Francesco Paolo Tronca, il-Kummissarju ta’ Ruma li qed imexxi l-kunsill tal-belt, qabel isiru l-elezzjoni għal sindku ġdid.