Periklu li nitilfu l-għeneb indiġenu Malti jekk tippersisti n-nixfa u ma tittieħidx azzjoni

Jekk in-nixfa ta’ din is-sena tibqa’ tippersisti għal snin oħra u ma jkunx hemm azzjoni immedjata biex tinċentiva bdiewa ikabbru iktar dwieli, l-industrija tal-produzzjoni tal-inbid tista’ tispiċċa mingħajr materja prima.

Hekk wissa’ Jeremy Cassar, Kap Eżekuttiv ta’ Marsovin waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dwieli Marnisi f’Marsaxlokk.

Jeremy Cassar qal li minħabba n-nixfa ta’ din is-sena, il-kumpanija qed tiffaċċja nuqqas ta’ 25% fl-għeneb meta mqabbel mas-sena li għaddiet, għalkemm is-sitwazzjoni setgħet kienet agħar.

Dan kien dovut għal rekord baxx ta’ 265mm ta’ xita – terz minnu jinżel f’Ottubru – kif ukoll għal xitwa mhux qalila u riħ qawwi f’April u Mejju.

Sfortunatament, minħabba li mhux kull lokalita’ għandha ilma ta’ kwalita’ tajba għat-tisqija, id-dwieli tal-Mġarr, li jkabbru d-dwieli indiġeni Girgentina u Ġellewża, se jaħsdu inqas minn 70% mis-soltu.

Dan seħħ minħabba li numru konsiderevoli ta’ dwieli mietu għax ma felħux għan-nixfa li kien hawn.

Dan kollu se jwassal biex is-suq lokali se jbati biex jissuplixxi l-ammont ta’ inbid Malti meħtieġ mill-ħwienet u ristoranti Maltin.
Jeremy Cassar qal li jekk il-gżejjer Maltin jerġa’ jkollhom l-istess kundizzjonijiet ta’ temp is-sena d-dieħla, l-industrija agrikola Maltija se tkompli ssofri u hemm riskju reali li tintilef parti kbira tal-għeneb imkabbar lokalment.

Agħar minn hekk, l-ikbar konsegwenza tkun it-telf tal-wirt agrikolu marbut mal-għeneb indiġeni Ġellewża u Girgentina. Dawn huma parti mill-istorja tal-vitikoltura f’pajjiżna u għandhom jiġu protetti akkost ta’ kollox