Lokali

Piż ta’ €3,000 fuq kull familja

Minflok mal-Ministru Joe Mizzi sab iż-żejt kif wiegħed, jidher li huma l-operaturi Spanjoli tat-trasport pubbliku li sabu ż-żejt għax se jitħallsu s-somma fenomenali ta’ €432 miljun minn flus il-poplu Malti u Għawdxi. Dan ifisser piż ta’ €3,000 fuq kull familja Maltija u Għawdxija – kemm dawk li jużaw u anke dawk li ma jużawx it-trasport pubbliku. Terġa, min juża t-trasport pubbliku, minbarra dan il-piż, irid iħallas għan-nollijiet għola, filwaqt li dawk li ma jużawhx, qed jeħlu aktar fit-traffiku u jħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa.

Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat ir-reazzjoni tagħha għall-pubblikazzjoni tal-kuntratt tat-trasport pubbliku, li ġie ppubblikat 14-il xahar wara li l-operatur Spanjol beda jħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna. Marthese Portelli fakkret li dan il-kuntratt ġie ffirmat wara li Joe Mizzi u l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo marru minn wara dahar kulħadd jinnegozjaw mal-operatur Spanjol, saħansitra qabel intgħażlet l-aħjar offerta. “Dan mhux il-mod ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet. Mill-bidu nett, deher li hemm xi ħaġa ħażina, u issa għandna l-konferma,” qalet Marthese Portelli.

Marthese Portelli qalet li s-somma li qed tingħata lill-operatur Spanjol hi astronomika u bl-ebda mod ma tista’ tiġi ġġustifikata, għaliex is-servizz li kellna qabel kien jiswa’ anqas u kien servizz aħjar. “Hu ċar li l-kuntratt inkiteb mill-Ispanjoli u l-Ministru Joe Mizzi baxxa rasu għal kollox u ma ddefenda xejn l-interess tal-pubbliku Malti li jħallas it-taxxi u li juża t-trasport pubbliku pubbliku,” qalet Marthese Portelli. Terġa’, issa sirna nafu wkoll li l-Ispanjoli qed iħallsu prezz baxx għad-diesel. “Mela hekk sew, il-poplu jħallas id-diesel bl-għoli, filwaqt li l-Ispanjoli qed iħallsu l-irħis,” qalet Marthese Portelli. Hi staqsiet ukoll għalfejn il-Ministru qed jevita milli jwieġeb il-mistoqsijiet li għamillu l-Partit Nazzjonalista dwar id-diesel tal-karozzi tal-linja. Hi staqsiet: “Mingħand min qed jinxtara d-diesel? U b’kemm qed jinxtara?” Dawn huma żewġ mistoqsijiet importanti ħafna u l-Ministru għandu jwieġeb minnufih.

Ix-Shadow Minister qalet ukoll li minkejja li l-Gvern Malti qed jagħti €432 miljun lill-operatur Spanjol, il-ħaddiema, speċjalment ix-xufiera, qed imorru minn taħt u spiċċaw taħt il-mira tal-attakki tal-Ministru Joe Mizzi. Filwaqt li wriet is-solidarjetà tagħha max-xufiera, hi sostniet li minkejja li l-Ispanjoli qed jieħu dawn il-miljuni kollha, il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema Maltin qed imorru lura u qed jinġiebu sewwieqa barranin biex jinzammu l-pagi baxxi u l-kundizzjonijiet ħżiena.

Minn naħa tiegħu, l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ivan Bartolo sostna li bir-riformi li għamel il-Ministru Joe Mizzi, n-nollijiet tat-trasport pubbliku għolew, tant li filwaqt li qabel, il-passiġġieri kienu jħallsu biss €1.50 għal biljett ta’ ġurnata, issa saru jħallsu 75ċ għal kull vjaġġ li jagħmlu, bil-maġġoranza tal-passiġieri jagħmlu aktar minn żewġ vjaġġi kuljum.

Hu rrefera għall-istħarriġ tal-Maltatoday li juri li fl-aħħar ġimgħat, l-inkwiet fuq it-trasport pubbliku rdoppja u laħaq 14%. Hu sostna li ħafna mill-iskedi li hemm fuq il-bus stops huma fittizji, għaliex ħafna nies li qabel kienu jkunu jafu fi xħin se tgħaddi l-karozza, issa qed joħorġu fuq il-bus stops bla ma jafu meta se tasal tal-linja.