Ekonomija Lokali

Pjan minn VW Group biex jinforma lill-klijenti milquta

Il-Grupp Volkswagen ħabbar pjan biex jinforma lill-klijenti f’Malta dwar is-software li ntuża’ fil-karrozzi Volkswagen u li nstab li kien qed jinganna fil-qari li jagħti dwar it-tniġġis tal-arja. Dan hekk kif is-software intuża’ wkoll f’karozzi li nbigħu f’pajjiżna.

Fi stqarrija, Continental Cars Ltd ħabbret li se tkun qed tikkuntattja lill-konsumaturi lokali li l-vettura tagħhom għandha magna diesel tat-tip EA 189, u li hi tat-tip Volkswagen, Audi u Seat.

Continental Cars Ltd ħabbret ukoll li sa mill-jiem li ġejjin, il-konsumaturi jistgħu jidħlu fil-websites skont il-marka tal-karozza tagħhom, minfejn ikunu jistgħu jivverifikaw jekk il-karozza tagħhom hijiex affetwata jew le. Il-konsumaturi jistgħu wkoll iċemplu fuq 8004 9189 biex jingħataw aktar għajnuna u informazzjoni.

Fl-istqarrija, il-kumpanija lokali temmet tgħid li Volkswagen Group se jkun qed jagħmel minn kollox biex jassigura li l-karozzi kollha jkunu konformi mar-regoli dwar it-tniġġis tal-arja, filwaqt li se jaħdem ukoll biex in-nies jerġa’ jkollhom fiduċja fil-kumpanija.