Sport

Platini ma pprovdiex evidenza tal-pagament li rċieva mingħand Blatter

FIFA: Skont rapport fil-ġurnali Ingliżi, l-President tal-UEFA Michel Platini ma pprovdiex evidenza tal-pagament li kien irċieva mingħand il-President tal-FIFA Sepp Blatter fl-2011. Blatter kien għamel ħlas ta’ 1.34 miljun lira sterlina lil Platini mill-kont bankarju tal-FIFA. Dan il-ħlas sar fi Frar tal-2011 għal xogħol li kien għamel Platini bejn l-1998 u l-2002 meta dakinar il-Franċiż kien ‘konsulent speċjali’ ta’ Blatter.

Ġimgħa ilu l-Kumitat tal-Etika tal-FIFA issospenda għal 90 jum lil Blatter, lil Platini, lil Korean Chung Mong-joon, eks Viċi-President tal-FIFA, u lil Jerome Valcke, Segretarju Ġenerali tal-FIFA, kollha minħabba akkużi ta’ korruzzjoni.

Dejjem skont dawn ir-rapporti hemm kuntratt bil-miktub li jirrigwarda x-xogħol li għamel il-Franċiż bejn dawn is-snin li matulhom tħallas 710,000 elf lira sterlina imma m’hemm l-ebda kuntratt dwar il-pagament li sar fi Frar tal-2011. Kemm Platini u Blatte qalu lill-investigaturi li huma t-tnejn qablu b’mod verbali dwar il-pagament tal-2011 u hu għalhekk li m’hemm l-ebda kuntratt bil-miktub.

Ta min jinnota li meta saru l-pagamenti, fl-2011, il-UEFA kienet għadha kemm ikkonfermat li kienet se tagħti l-appoġġ sħiħ lil Blatter waqt l-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA li saret dik is-sena stess. Blatter eventwalment kien re-elett mingħajr l-ebda sfida għax il-kanditat l-ieħor, Mohamed Bin Hammam, President tal-Federazzjoni tal-Asja, kien irtira jum qabel l-elezzjoni wara li ġie akkużat b’tixħim.

Hu minħabba dan li Platini u Blatter qed ikunu investigati għax il-prosekuturi għandhom suspett li dan il-ħlas sar bħala ‘ringrazzjament’ mingħand Blatter lil Platini tal-appoġġ li tah fl-elezzjoni.

Platini minn dejjem saħaq li l-pagament kien “dikjarat kollu” lill-awtoritajiet għaliex dak iż-żmien kien impjegat full time mal-FIFA fuq affarijiet relatati mal-futbol.

Platini qed jgħid ukoll li l-ħlas sar tard minħabba li l-FIFA ma kellhiex flus biżżejjed biex ittih l-ammont dovut fil-ħin. Madankollu dokumenti tal-FIFA stess juru biċ-ċar li bejn l-1999 u -2002 il-FIFA kienet irreġistrat bilanċ ta’ madwar 55 miljun lira sterlina u dan żgur li jkompli jitfa’ dubji fuq il-verżjoni li qed jagħti Platini.

Il-liġi fl-Iżvizzera tgħid li impjegat ma jistax iġiegħel lill-imgħallem tiegħu jħallsu ta’ xogħol li jkun ilu li sar ħames snin, anke jekk ikun hemm kuntratt bil-miktub.