Futbol Sport

Platini m’għadux biss xhud fil-każ ta’ Blatter

Il-President tal-UEFA Michel Platini mhux qed jitqies biss bħala xhud fil-każ tal-President tal-FIFA Sepp Blatter. Dan qalu l-Avukat Ġenerali Żvizzeru Michael Lauber li ċaħad il-kummenti ta’ Platini stess, li qal li f’dawn l-aħħar jiem kien interrogat u kkunsidrat mill-prosekuturi Żvizzeri bħala biss xhud fil-każ li tfaċċa ġimgħa ilu.

Nhar il-Ġimgħa Blatter beda jiġi investigat mill-prosekuturi Żvizzeri dwar irregolaritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ pagamenti li ta lill-Unjoni tal-Futbol fil-Karibew (CFU) u lill-President tal-UEFA Michel Platini. L-istess prosekuturi bdew proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu.

Skont il-prosekuturi Żvizzeri, Blatter, fit-12 ta’ Settembru tal-2005, kien iffirma kuntratt mal-Union tal-Futbol fil-Karibew li ma kienx suppost ikun iffirmat u qed ikun akkużat ukoll li għamel ħlas ta’ 1.34 miljun lira sterlina lil Platini mill-kont bankarju tal-FIFA. Dan il-ħlas sar fi Frar tal-2011 għal xogħol li kien għamel Platini bejn Jannar tal-1999 u Ġunju tal-2002 meta dakinhar il-Franċiż kien ‘konsulent speċjali’ ta’ Blatter. Dan tal-aħħar, li se jkun qed iwarrab minn President tal-FIFA fi Frar li ġej, qal li m’għamel xejn illegali jew li mhux xieraq.

Min-naħa tiegħu, Platini, ftit tal-jiem ilu, kiteb ittra lill-membri tal-UEFA u ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina u qal li hu ma ġie akkużat b’xejn.

Fi stqarrija maħruġa mill-avukati tiegħu, Blatter qal li pagament ta’ 1.5 miljun sterlina li sar fl-2011 lil Platini, Kap tal-UEFA, kien biss “kumpens validu u xejn aktar”.

Platini, li kien interrogat, saħaq li l-pagament kien “dikjarat kollu” lill-awtoritajiet għaliex dak iż-żmien kien impjegat full time mal-FIFA fuq affarijiet relatati mal-futbol. Il-Franċiż qal li kien konxju li “dawn l-avvenimenti jistgħu jħammġu d-dehra u r-reputazzjoni tiegħi jew tal-UEFA” u kien għalhekk li ħareġ stqarrija għal “raġunijiet ta’ trasparenza”.

Madankollu, ta’ min wieħed jinnota li meta saru l-pagamenti, fl-2011, il-UEFA kienet għadha kemm ikkonfermat li kienet se tagħti l-appoġġ sħiħ lil Blatter waqt l-elezzjoni presidenzjali tal-FIFA li saret dik is-sena stess. Blatter eventwalment kien rielett mingħajr l-ebda sfida għax il-kandidat l-ieħor, Mohamed Bin Hammam, il-President tal-Federazzjoni tal-Asja, kien irtira jum qabel l-elezzjoni wara li ġie akkużat b’tixħim.

Hu minħabba dan li Platini u Blatter qed ikunu investigati għax il-prosekuturi għandhom suspett li dan il-ħlas sar bħala ‘ringrazzjament’ mingħand Blatter lil Platini tal-appoġġ li tah fl-elezzjoni.

Min-naħa tiegħu, Platini qed jgħid li l-ħlas sar tard minħabba li l-FIFA ma kellhiex flus biżżejjed biex ittih l-ammont dovut fil-ħin. Iżda dokumenti tal-FIFA stess juru biċ-ċar li bejn l-1999 u l-2002 il-FIFA kienet irreġistrat bilanċ ta’ madwar 55 miljun lira sterlina, u dan żgur li jkompli jitfa’ d-dubji fuq il-verżjoni li qed jagħti Platini.

“Minn meta kont ġejt maħtur konsulent ta’ Blatter, fl-1999, kont ġejt avżat mill-ewwel li s-salarju ma kontx se nirċivih fil-ħin minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja xejn feliċi li kienet tinsab fiha l-FIFA dak iż-żmien. Jien xorta waħda aċċettajt li nokkupa din il-kariga għax kont naf ċert li eventwalment kienu se jħallsuni. Il-fatt li l-aħħar pagament li rċivejt sar biss ftit xhur qabel l-elezzjoni presidenzjali tal-FIFA, hu irrilevanti,” spjega Platini.

Intant, l-avukat Michael Lauber temm jgħid li hemm possibbiltà li jmur, mingħajr ma jinforma lil Platini, il-kwartieri ġenerali tal-UEFA fil-belt ta’ Nyon fl-Iżvizzera biex l-investigazzjonijiet isiru aħjar. Din il-proċedura diġà saret fil-konfront ta’ Blatter hekk kif ġimgħa ilu l-prosekuturi marru direttament l-uffiċju u d-dar tal-President tal-FIFA.