Internazzjonali

Possibbilta ta’ attakk terroristiku f’hostel f’Queensland

Mara Ingliża ta’ 21 sena mietet wara li kienet attakkata b’sikkina minn raġel Franċiż fost għajjat ta’ “Allahu akbar”.
Il-każ seħħ f’hostel f’Home Hill, Queensland. Il-vittma kienet identifikata bħala Mia Ayliffe-Chung, minn Derbyshire. Raġel ieħor Ingliż indarab fl-attakk u jinsab f’kundizzjoni kritika l-isptar kif ukoll kelb.
Il-qtil seħħ f’Shelley’s Backpackers, f’Home Hill, raħal madwar 100 kilometru minn Townville u hu popolari fost it-turisti li jkunu jridu jagħmlu xogħol agrikolu biex iħallsu għall-btala tagħhom.
Steve Gollschewski, id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija ta’ Queensland, qal li r-raġel li wettaq l-attakk kien ilu minn Marzu fl-Awstralja u sa fejn kien magħruf ma kien jaf lil ħadd fil-pajjiż. Gollschewski qal li għalissa l-pulizija ma kienet qed teskludi xejn u għalissa l-każ kien qed jiġi stmat bħala wieħed kriminali u mhux terroristiku.
Il-Pulizija żiedet li ma kienet qed tfittex lil ħadd ieħor b’rabta mal-każ.