Internazzjonali

Possibbiltà ta’ reati tal-gwerra fil-Libja

Martin Kobler, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, qal li aktarx is-sejba ta’ 14-il katavru f’miżbla f’Bengażi, aktarx jikkostitwixxu reat tal-gwerra.
Dan wara li l-katavri nstabu b’idejhom u saqajhom marbutin u kellhom tir f’rashom – indikazzjoni li l-qtil seħħ permezz ta’ eżekuzzjoni.
Iz-zona ta’ Leithi aktar kmieni din is-sena spiċċat f’idejn il-forzi taħt il-kmand tal-Ġeneral Khalifa Haftar.
Sadattant fil-battalja għal Sirte, ġellieda alleati mal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali rnexxielhom javvanzaw aktar lejn iċ-ċentru tal-belt. Dan fl-offensiva biex jieħdu l-kontroll tal-belt minn idejn l-ISIS. L-offensiva kienet bdiet f’Mejju imma aktar ma avvanzaw lejn iċ-ċentru tal-belt, aktar sabu reżistenza mill-ġellieda tal-ISIS.