Kultura Lokali

Premju prestiġjuż għat-Tempji tal-Ġgantija

Fil-ġimgħat li għaddew, iċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Ġgantija fix-Xagħra, Għawdex, ingħata l-‘Highly Commended Tourism Award’ mill-British Guild of Travel Writers.

Dan tħabbar waqt l-ikla annwali fis-Savoy Hotel ta’ Londra li għaliha kienet preżenti Nicoline Sagona, manager tas-siti u l-mużewijiet f’Għawdex immexxija minn Heritage Malta. Dan il-premju jikkonferma li ċ-ċentru tal-viżitaturi tat-Tempji tal-Ġgantija kien fost it-tliet finalisti fil-‘Best European Tourism Projects’.

Il-proġett li kien immexxi minn Heritage Malta kien inawgurat f’Ottubru tas-sena 2013 u kien parti minn proġett imsejjaħ ‘Archaeological Heritage Conservation Project’ (ERDF032). Il-proġett ġie nominat mill-kittieba Brittanika Juliet Rix, membru tal-istess Guild.

Il-membri huma fil-fatt kittieba, edituri, fotografi u xandara li jivvjaġġaw madwar id-dinja biex jaraw proġetti turistiċi ġodda. Uħud minn dawn il-proġetti jiswew miljuni ta’ ewro filwaqt li oħrajn huma iktar sempliċi iżda jista’ jkollhom impatt ikbar fuq il-komunità.

Il-proġett tal-Ġgantija ġie nnominat minħabba s-suċċess li ġab fil-qasam turistiku lokali. Fi kliem Juliet Rix, l-interpretazzjoni ġdida rnexxielha tgħaqqad “preċiżjoni akkademika ma’ preżentazzjoni kompletament aċċessibbli” u “biddlet ġebel antik li diffiċli tifhmu f’tieqa li turi poplu straordinarju ta’ żmien bikri.”

premju ggantija 2 01.12.15

Ritratt: Nicoline Sagona, manager tas-siti u l-mużewijiet f’Għawdex, tirċievi l-premju