Internazzjonali

Pressjoni fuq ir-Russja biex jonqos il-ġlied fis-Sirja

L-Istati Uniti qalet li qed taħdem fuq inizjattivi speċifiċi biex jonqos it-tixrid tad-demm fis-Sirja u biex jistimolaw waqfien mill-ġlied fit-territorji Sirjani.

L-Amerikani qegħdin jagħtu priorità lill-impenn għat-tmiem tal-konflitt fiz-zona ta’ Aleppo fejn mietu ‘il fuq minn 200 persuna f’ġimgħa ta’ attakki mill-qawwiet tal-ajru tal-Gvern Sirjan u bumbardamenti tar-ribelli li jopponu lill-President tas-Sirja, Bashar al-Assad.

L-Istati Uniti trid, fuq kollox, li r-Russja twettaq pressjoni fuq il-Gvern Sirjan biex iżomm lura minn dak li l-Amerikani fissru bħala ‘attakki indiskriminattivi’ fuq ċerti nħawi tas-Sirja. Min-naħa tagħhom, ir-Russi qalu li r-rejds tal-ajru fuq Aleppo qegħdin jolqtu lill-gruppi tat-terroristi, iżda Moska kkonfermat ukoll li ‘qed tiddiskuti ftehim għal waqfien mill-ġlied’ fl-inħawi partikolari.

Għaddejjin in-negozjati biex il-belt ta’ Aleppo tkun inkluża f’hekk-imsejjaħ ‘reġjun għall-kalma’ temporanju. Dan qalu l-Ġeneral Sergei Kuralenko, li jmexxi ċ-ċentru Russu għall-moniteraġġ tal-waqfien mill-ġlied fis-Sirja.

Il-Gvernijiet tar-Russja u s-Sirja qalu li l-attakki tal-qawwiet tagħhom fuq Aleppo qegħdin jikkonċentraw fuq il-Front ta’ Nusra, li hu entità ta’ militanti Iżlamiċi li mhumiex marbutin mill-ftehim għal waqfien mill-ġlied li ntlaħaq fi Frar li għadda.