Lokali

Pressjoni mill-Kabinett ta’ Muscat fl-Awla tal-Qorti biex il-PN ma jingħatax iż-żewġ siġġijiet li tteħdulu bi żball

Il-maġġoranza assoluta tal-membri tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat, bħalissa jinsabu fl-Awla tal-Qorti fejn qed ikompli jinstema l-każ tal-appell dwar iż-żewġ siġġijiet tal-Partit Nazzjonalista wara li fl-għadd tal-voti ttieħed żball. Il-każ imur lura għall-elezzjoni ġenerali li għadda, u wara li ntrebaħ mill-Partit Nazzjonalista, tressaq appell biex b’hekk, ittawwal iż-żmien biex il-Partit Nazzjonalista jieħu ż-żewġ siġġijiet tiegħu.

Issa, hekk kif dalgħodu kienet mistennija l-aħħar seduta qabel tingħata s-sentenza tal-appell fil-jiem li ġejjin, fl-Awla tal-Qorti tfaċċaw il-membri tal-Kabinett ta’ Muscat – f’dik li hi pressjoni ċara fuq is-sentenza dwar dawn iż-żewġ siġġijiet.

Minbarra l-Ministru Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, li huma l-partijiet interessati, mibgħuta minn Kastilja hemm il-Ministri Edward Zammit Lewis, Owen Bonnici, Chris Fearne, Chris Cardona Carmelo Abela, u Jose Herrera, is-Segretarji Parlamentari Deborah Schembri, Roderick Galdes, u Chris Agius u d-Deputat Silvio Parnis. Preżenti wkoll kien hemm Gino Cauchi, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Toni Abela, Charlon Gouder kif ukoll Silvio Parnis

Is-sentenza għas-7 ta’ Novembru

Sadanittant, il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri,iddiferiet il-kawża għas-sentenza fis-7 ta’ Novembru li ġej. Dan hekk kif l-avukati taż-żewġ naħat għamlu t-trattazzjoni tagħhom u għalqu l-każ.

L-Avukat Paul Borg Olivier għall-PN qal li l-kawża tibbaża fuq l-Artiklu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jħares tliet drittijiet: id-dritt tal-vot, id-dritt li tikkontesta elezzjoni u d-dritt li rappreżentant elett iżomm is-siġġu tiegħu. Hu qal li l-każ in kwistjoni jolqot dan tal-aħħar fejn kien hemm każ fejn is-siġġu elettorali kien imċaħħad.

Paul Borg Olivier qal li kuntrarju għal dak li qed jiġi argumentat mill-appellanti, il-Qorti għandha s-setgħat biex tagħti rimedju u dan ir-rimedju mhux inkonsistenti mal-Kostituzzjoni u mal-Konvenzjoni Ewropea għaliex ħadd ma ntalab li jitneħħa xi ħadd mill-Parlament. Hu qal li ma jaqbilx mal-argument li interventi mill-Qrati jaffetwaw l-istabilita’ politika ta’ riżultat tal-elezzjoni. Pjuttost il-kontra, għaliex is-sentenza tal-Qorti tevita l-possibilita’ ta’ żball premeditat fil-futur.

L-Avukati Robert Abela u Pawlu Lia f’isem il-Partit Laburista, argumentaw li l-Ewwel Qorti kienet żbaljata fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artiklu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea, li jitratta dwar id-dritt ta’ elezzjoni ħielsa. Robert Abela qal li s-sentenza tal-ewwel qorti daħħlet preċedent perikoluż li tneħħi l-istabbilita’ politika tal-pajjiż għaliex qalbet provediment tal-Kostituzzjoni li timponi żminijiet qosra fl-interess taċ-ċertezza. Kompla li dan kien żball uman negliġibbli u Artiklu 3 tal-Konvenzjoni mhux hemm biex jagħti riżultat preċiż f’elezzjoni. F’mument minnhom fit-trattazzjoni, l-Avukat tal-Partit Laburista qal “kemm nixtieq li fl-elezzjoni tal-2013, l-elezzjoni mxiet skont il-Konvenzjoni Ewropea u mhux skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta (bl-emendi li jassiguraw proporzjonalita’ stretta biex ma jkunx ripetut ir-riżultat tal-1981), għax kieku l-Partit Laburista kien iġib 13-il siġġu differenza.” Min-naħa tiegħu, l-Avukat Pawlu Lia qal li r-regoli ġew applikati u kien hemm kwistjoni politiċi li qatt ma tranġaw b’mod ġudizzjarju. Tenna li l-kunsens tan-nies hu iktar importanti minn regoli żgħar u li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ma kellha ebda dritt li tiddeċiedi b’kemm jiżdiedu deputati.

L-Avukat Ġenerali Peter Grech qal li l-Artiklu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea jitkellem dwar elezzjonijiet ħielsa u m’hemm xejn fil-Kostituzzjoni li jxellef il-prinċipji tal-Konvenzjoni. Hu qal li l-kwistjoni ma kienitx waħda kostituzzjonali jew tal-Konvenzjoni Ewropea iżda ta’ kif taħdem is-sistema elettorali u qal li Ġurisprudenza Ewropea tgħid li żbalji mhux neċessarjament ifissru ksur tad-dritt ta’ elezzjoni ħielsa. Tenna li l-liġi tipprovdi rimedji li iżda għandhom isiru b’mod tempestiv minħabba ċertezza legali.

Fuq l-istess linja, l-intervent tal-Professur Ian Refalo li qal li l-Ewwel Qorti żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artiklu 3 tal-Konvenzjoni għaliex dan l-Artiklu ma jidħolx fi żbalji elettorali. Hu qal li l-partijiet kellhom rimedji opportuni u li f’dan il-każ, il-Qorti m’għandhiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha.

Is-sentenza tal-Ewwel Qorti

Fis-26 ta’ Mejju li għadda, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), iddikjarat li n-nuqqasijiet fil-proċess elettorali fit-8 u t-13-il distrett kienu ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-artiklu dwar elezzjonijiet ħielsa.

Il-Qorti ddikjarat ukoll li dawn in-nuqqasijiet wasslu għal rappreżentanza proporzjonali mhux skont ix-xewqa tal-elettur li kellha tkun ta’ 38 Deputat għall-Partit Laburista u 31 Deputat għall-Partit Nazzjonalista. Għaldaqstant il-Qortni ordnat lill-Kummissjoni Elettorali tikkoreġi r-riżultat biex id-distakk ta’ siġġijiet bejn il-partiti jinżel għal seba’ siġġijiet u dan fi żmien xahar. Il-Qorti ordnat ukoll li l-Kummissjoni Elettorali tagħmel dawk ir-regolamenti meħtieġa biex eċċezzjonalment, jipprevedu li jerġgħu jinfetħu, l-għadd tal-voti li diġa’ ingħalqu.

L-Avukat Paul Borg Olivier qed jidher f’isem il-Partit Nazzjonalista filwaqt li l-Avukati Robert Abela u Pawlu Lia dehru għall-Partit Laburista u l-Professur Ian Refalo deher għan-nom tal-Kummissjoni Elettorali. Deher ukoll l-Avukat Ġenerali Peter Grech għan-nom tal-Gvern.