Lokali Parlament

Problema kbira ta’ traffiku f’Ta’ Xbiex li ħarbtet lir-residenti

Is-sistema ġdida tat-traffiku f’Ta’ Xbiex, lokalità li minna t-traffiku jgħaddi għall-Gżira u Tas-Sliema, kif ukoll lejn l-Imsida, kienet ikkritikata mid-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono li saħqet li din is-sistema li saret bla ebda konsultazzjoni, ħarbtet lir-residenti kif ukoll lis-sewwieqa li jużaw u jgħaddu minn din il-lokalità.

Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono tkellmet illejla fil-Parlament dwar il-problemi li qed jinħolqu għar-residenti ta’ Ta’ Xbiex wara arranġamenti li saru għat-traffiku fl-inħawi ta’ din il-lokalità.

Devjazzjonijiet li saru fit-traffiku li jkun sejjer minn u lejn id-direzzjoni tal-Gżira qed iwassal biex il-vetturi jgħaddu minn toroq li ma għandhomx il-kapaċità li jieħdu l-ammont ta’ traffiku li qed ikun hemm, b’mod partikolari traffiku minn vetturi kbar bħalma huma vetturi ta’ trasport u coaches.

Nuqqas ta’ tabelli biex jindirizzaw lit-traffiku kif għandu jgħaddi
Din il-problema hi akbar minħabba l-fatt li m’hemmx tabelli biex jindirizzaw lit-traffiku kif għandu jgħaddi bir-riżultat li ħafna sewwieqa qed jispiċċaw jintilfu f’toroq li jinfdu għal imkien u jkollhom jirriversjaw. Dan qed joħloq ħafna konġestjonijiet tat-traffiku.
Kristy Debono qalet li jidher li ma saret l-ebda konsultazzjoni ma’ dawk involuti lanqas mal-Kunsill. Ħafna residenti, bir-raġun qed jilmentaw minħabba l-periklu li qed ikun hemm. Anzjani qed iħossuhom li spiċċaw priġunieri f’darhom.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsiet jekk sarx pjan qabel twettaq dan it-tibdil. Ir-raġuni li ngħatat mill-awtoritajiet hi li kellhom isiru dawn id-devjazzjonijiet minħabba x-xogħlijiet li jridu jsiru fuq il-fly-over tal-Kappara. Jekk dan hu l-każ, allura Transport Malta naqset meta m’għamlitx is-sinjali meħtieġa biex is-sewwieqa jidraw x’toroq għandhom jużaw mingħajr ma jinħolqu l-inkonvejenzi li qed ikollhom isofru r-residenti kif ukoll l-istess sewwieqa.

Pjanċi ta’ karozzi impurtati minn barra z-zona tal-UE
Kristy Debono tkellmet ukoll dwar il-problemi li qed jinħolqu b’vetturi bi pjanċi barranin, b’mod partikolari vetturi bi pjanċi ta’ pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.
Qiegħed jirriżulta li ma jeżisti l-ebda kontroll dwar dawn il-vetturi li qed jitħallew jiċċirkulaw b’periklu wkoll dwar nuqqas ta’ assikurazzjoni.

Irrimarkat ukoll kif issa qed naraw fit-toroq ukoll karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni bil-lingwa Għarbija – liema lingwa mhix familjari mal-poplu u hawn fejn jidħlu ġafna diffikultajiet għaliex dawn huma karozzi li diffiċli jiġu identifikati f’każ ta’ xi diffikultajiet jew inċidenti.

Id-Deputat Nazzjonalista qalet li ma tistax tifhem għaliex l-awtoritajiet qed isibuha diffiċli biex jikkontrollaw dak li hu illegali u irregolari.