Internazzjonali

Problemi ta’ anti-Semitiżmu fil-Labour Party Ingliż

 

 

Il-Labour Party fir-Renju Unit qed iħabbat wiċċu ma’ kriżi minħabba kummenti razzisti u anti-Semitiċi li saru minn xi membri prominenti.

Din il-kriżi wasslet biex kien sospiż mill-partit Ken Livingstone, l-eks-Sindku ta’ Londra, ġurnata wara li mill-istess partit kienet sospiża l-Membru Parlamentari Naz Shah minħabba kummenti li għamlet fuq Facebook.

Livingstone spiċċa fl-inkwiet nhar il-Ħamis wara intervista fuq ir-radju fejn iddefenda lil Shah u għamel kummenti li kienu interpretati bħala difiża tan-Naziżmu. Wara John Mann, Membru Parlamentari Laburista mar jikkonfrontah quddiem l-istudio tal-BBC fejn saritlu l-intervista, u Membri Parlamentari oħra Laburisti ikkundannaw lil Livingstone.

Issa kien irrapportat li l-mexxej tal-partit, Jeremy Corbyn, qed jikkunsidra li jsir tibdil fir-regoli tal-partit u biex jintbagħat sinjal ċar li dawn l-affarijiet mhumiex ittollerati fi ħdan il-Partit Laburista Ingliż.

Dwar Livingstone, ħabib antik ta’ Corbyn, il-mexxej Laburista qal li kien hemm tħassib għall-kummenti li għamel u l-implikazzjonijiet tagħhom. Corbyn qed jinsisti li s-sentiment anti-Semitiku fil-partit kien ristrett għal ftit nies u din ma kinitx xi idea li kienet dominanti fil-partit.