Ambjent Lokali

Proġett biex jingħata wiċċ ġdid lill-Ġnien tal-Argotti

Il-Ġnien tal-Argotti fil-Furjana mistenni jingħata wiċċ ġdid grazzi għal xogħolijiet ta’ tisbiħ li għadhom kif ġew approvat mill-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar.

Fi stqarrija, l-Awtorità qal li x-xogħolijiet se jinkludu l-ħolqien ta’ pjazza miftuħa fid-daħla, li se tkun qed tieħu post iż-żona tat-toilets li hemm fil-Ġnien. Iż-żona tat-toilets imbagħad se tkun f’żona fin-naħa l-oħra tal-Ġnien, fejn mhuwiex daqstant ċentrali.

Il-pavimentar tas-siment fuq ġewwa u madwar il-Ġnien se jinbidel b’pavimentar tal-ġebel u l-lava. L-Awtorità qalet li min-naħa l-oħra, żoni ta’ ħamrija qrib is-swar se jitneħħew biex ikun evitat li jitilgħu siġar li jagħmlu ħsara lill-ħitan tas-swar.

Bħala parti mill-proġett, se jitħaffru wkoll żewġ ġibjuni tal-ilma biex tiżdied is-sostenibbiltà tal-Ġnien b’żieda ta’ ilma naturali.