Ambjent Lokali

Propost il-ħolqien ta’ 8 żoni marittimi għall-ħarsien ta’ Natura 2000

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qegħda tipproponi l-ħolqien ta’ tmien żoni marittimi għall-ħarsien ta’ Natura 2000. Żoni li jkopru madwar 3,450 kilometru kwadru ta’ baħar madwar Malta. L-għażla saret wara r-riżultati ta’ żewġ proġetti EU Life+ li kienu l-Life+ Migrate u l-Life+ Malta Seabird Project.

Iż-żoni identifikati jkopru kważi d-dawra kollha tal-kosta u anke nħawi ferm iktar ’il barra imma fi ħdan il-25 mil nawtiku ta’ Malta, u huma żieda fuq il-ħames siti ta’ Natura 2000 li diġà kienu ġew dikjarati.

Ħames mit-tmien siti qed jiġu proposti biex iħarsu speċi partikolari ta’ għasafar, sit ieħor għall-ħarsien ta’ tip ta’ fekruna u t-tnejn l-oħra minħabba għasafar, fkieren u dniefel.

Kontra għal dak li bosta jaħsbu żona protetta ma tkunx żona li fiha ma’ jista’ jersaq ħadd. L-anqas ma’ huwa vera li żona protetta tkun żona fejn ma’ jistax isir sajd. Malta hija mistennija li tagħmel monitoraġġ ta’ dawn is-siti u tara li tieħu ħsieb dawn is-siti b’mod sostennibli sabiex jiġi assigurat li l-popolazzjonijiet protetti f’dawn iż-żoni jkunu mħarsa għal ġenerazzjonijiet futuri.