Ambjent Lokali

Protesta quddiem il-bini tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi

Attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent dalgħodu pprotestaw quddiem il-bini tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Il-protesta saret bit-tama li jitwassal messaġġ lill-ERA ħalli tqum fuq saqajha u tieħu azzjoni dwar il-proġetti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar għal erba’ torrijiet fl-Imrieħel u f’Tas-Sliema.

F’kumment lil NETnews, l-attivist favur il-ħarsien tal-Ambjent Andre Callus appella lill-pubbliku biex jibda jsemma’ leħnu biex juri lill-Awtoritajiet li l-Ambjent mhux hemm biex jagħmlu li jridu bih, iżda biex bħala spazju miftuħ jitgawda minn kulħadd.

Lejn tmiem il-protesta, il-Kamp Emerġenza Ambjent talab li jiltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Reuben Abela, li min-naħa tiegħu apprezza li bħala NGO iridu jsemmgħu leħinhom b’risq l-Ambjent ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt, hu ammetta li minħabba li l-ERA ġiet stabbilita ftit tax-xhur ilu, minħabba l-qasma tal-MEPA, għall-bidu jistgħu jsiru xi żbalji.

L-attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent qed jistennew li l-ERA tappella mid-deċiżjoni tal-Awtorità għall-Ippjanar, filwaqt li tispjega għaliex l-approvazzjoni tal-Awtorità għall-Ippjanar dwar it-torrijiet fl-Imrieħel u f’Tas Sliema hi żbaljata.