Lokali

“Qatt ma rajt taħwid bħalma ma rajna għaddej f’dawn l-aħħar tliet snin” – Josef Vella

“Il-UĦM għad fadlilha validita’ u missjoni kbira biex tkompli tkun ta’ piż fil-miżien tad-djalogu soċjali. Il-UĦM trid tara li ma tħallix lil dan il-miżien miegħel lejn naħa waħda biss imma tara li dan il-miżien jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu.” Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr dan f’messaġġ fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-UĦM.

Huwa qal li l-UĦM investiet fit-taħriġ lill-ħaddiema billi ġabet korsijiet akkreditati u rat li jsir titjib tal-uffiċini fi ħdan il-union stess sabiex ikunu aċċessibbli. Dan minbarra programm ta’ tisbiħ li beda jsir fil-bini sabiex il-union tkompli timmodernizza u li l-istess bini jkunu wieħed li joffri servizz għaż-żminijiet tal-lum.

Lil hinn minn dan kollu, il-UĦM għaddejja minn żmien fejn qed tkun attakkata mill-istess Gvern li lejlet l-anniversarju għoġbu jikkomonunika, kważi kważi lanqas jikkomunika b’diċenza, u bl-aktar mod sfaċċat u arroganti u n’nuqqas ta’ professjonalita’, iddeċieda li jieħu membri mingħand il-UĦM, jieħu r-rikonoxximent mingħand il-membri u bi ksur ta’ proċedura u bi ksur ta’ ftehim kollettiv jagħtih lil union oħra. Dan għax il-union l-oħra poġġiet il-firma tagħha fuq il-Public Private Partnerships (PPPs) u l-UĦM għadha ma ffirmatx.

Fid-dawl tas-sitwazzjonijiet li qegħdha fihom illum, il-UĦM tfisser lil dan il-gvern bħala wieħed li tilef il-boxxla f’dak li għandu x’jaqsam it-trejdunjoniżmu. “Qatt ma rajt taħwid bħalma ma rajna għaddej f’dawn l-aħħar tliet snin,” sostna Josef Vella u żied li “dan il-Gvern qed jilgħab u jbagħbas mal-ħbula trejdunjonistiċi”. “Hu gvern li jaġevola lil min irid u jaġevola biss lil min jaqdih u jbaxxi rasu; dan hu gvern li meta jara lil xi ħadd jostakolah, mhux b’sens ħażin, imma għax m’hemmx qbil miegħu, allura jpattihielu bl-ikrah”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers jisħaq li ebda tpattija m’hi se tbeżża’ lil din il-union. “Jekk union serja tiġi u tiffirma għal dak li qed jgħid il-Gvern mingħajr ma tkun taf x’ġie miftiehem ma’ ħaddieħor, mal-barrani, fuq ix-xogħol tal-ħaddiema Maltin, allura Sur Gvern, qed tippretendi ħafna,” kompla l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers. U għajb għal min poġġa l-firma u ma rax il-kuntratt. “Ma nistax jifhem, u għadni sal-lum ma nistax nifhem, għaliex irridu naħbu xi ħaġa sabiħa u ndawruha fi storja jew f’rumanz sħiħ”.

Dan hu Gvern li tela’ bl-għajta għat-trasparenza; qal li se jkun Gvern tat-trasparenza. Iżda xi trasparenza hi li l-UĦM, wara dan iż-żmien kollu, li l-union li qiegħda madwar il-mejda lanqas taf x’tip ta’ ftehim hemm miktub? Il-UĦM kellha ssir taf minn programm fuq ir-radju li l-Ministru Chris Fearne għoġbu joħroġ jgħid li jista’ jkun li l-kuntratt ma jkunx għal 30 sena imma għal 90 sena.

Il-verita’ hi li l-Gvern, kulma għamel kien li darba s-Sibt wara nofsinhar il-Ministru Chris Fearne bagħat għal din il-union u għarrafha minn qabel li kien se joħroġ stqarrija u jagħmel konferenza tal-aħbarijiet. X’ġara u ma ġarax, din il-union ma kinitx fuq il-mejda tan-negozjati u allura ma saret taf b’xejn. Il-UĦM kienet marret biex tinnegozja u n-negozjati li saru kienu surreali għax ħassitha li ma kinitx verament qed tinnegozja.

“Qatt ma mort imkien b’għaxar proposti u kulħadd jgħidlek ‘iva’ fuq kollha. X’jiġifieri ‘iva’ u kollox sar ‘iva’ f’daqqa waħda? Il-UĦM telqet minn fuq il-mejda għax riedet lill-Gvern jippubblika l-kuntratt ħalli tifhem x’qed tibni fuq dak il-pedament. Il-UĦM ma tistax tifhem għaliex il-Gvern qed jgħaddes rasu, jibqa’ jkun arroganti. Il-UĦM terġa’ tistaqsi: għaliex dan il-kuntratt baqa’ fil-kexxun għal dawn ix-xhur kollha? X’hemm tal-mistħija fih? X’hemm li l-Gvern ma jridx juri? Għaliex qed jitħalla moħbi?

Għall-UĦM, Gvern li ġab deal tajjeb, m’għandu jiddejjaq minn xejn ħlief jieħu pjaċir jesponi l-opra tiegħu. Għandna Gvern li bil-kliem jiftaħar kemm qed jagħmel xogħol tajjeb fuq il-Public Private Partnership iżda fir-realta’, jekk wieħed ikun jixtieq jara l-fatti u mhux il-kliem, l-istess fatti ma joħorġu minn imkien. Għall-UĦM, dan hu ħażin u sfaċċat. Li tieħu rikonoxximent mingħand il-UĦM u ttih lil union oħra b’mod sfaċċat hi forma oħra ta’ korruzzjoni.

Għan-nom tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, il-UĦM tappella lill-Gvern biex iserraħ l-imħuħ tal-ħaddiema u dak li għandu jippubblika jippubblikah u ma jibqax jevita li jagħmel dan.