Internazzjonali

Qawwa speċjali Amerikana għal kontra l-ISIS fl-Iraq

Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan Ashton Carter qal li l-Istati Uniti se tistazzjona qawwa speċjalizzata fl-Iraq biex twettaq pressjoni fuq it-terroristi tal-ISIS.

Dan għandu jsir b’koordinazzjoni sħiħa mal-Gvern Iraqi, meta din il-qawwa se sservi wkoll bħala spalla għall-qawwiet Iraqqin u l-ġellieda Peshmerga tal-Kurdi li qegħdin jikkumbattu lill-ISIS.

Il-qawwa ġdida, li tintuża għal missjonijiet partikolari, se tinvolvi ruħha f’rejds fuq interessi tal-ISIS u inizjattivi biex jinħelsu ostaġġi. Il-membri ta’ din il-qawwa se jkunu impenjati biex jaħtfu mexxejja tal-ISIS bħala priġunieri, filwaqt li jmexxu wkoll ‘missjonijiet (anti-ISIS) unilaterali fis-Sirja’.

Carter, li kien qed jindirizza lill-Kumitat għas-Servizzi Armati fil-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington, ma speċifikax l-ammont tat-truppi ma’ din il-qawwa iżda qal li llum hemm opportunità tajba biex ‘jifirdu lit-terroristi tal-ISIS fl-Iraq mit-terroristi li huma bbażati s-Sirja’.