Edukazzjoni Lokali

“Qed insibu l-bibien magħluqa” – LSA

“Qed insibu l-bibien magħluqa u ħadd ma jrid jgħinna … ma nafux x’se naqbdu nagħmlu!”

Dan kien id-diskors ta’ Learning Support Assistant (LSA) li tkellmet ma’ Radio 101 dwar il-mod kif qed jiġu trattati madwar 70 LSA.

Din il-persuna qaltilna li d-Direttorat tal-Edukazzjoni qalilhom li jridu jagħmlu kors bħala LSA, mifrux fuq perjodu ta’ 30 ġimgħa biex jkomplu javvanzaw. Il-persuna qalet li minn naħa tagħhom, applikaw u ħallsu 500 ewro għall-kors li kienu mistennija jibdew f’Settembru.

Spjegat li madwar ġimagħtejn ilu għamlulhom laqgħa u li kienu mwegħdin affarijiet differenti mill-mod kif qed jimxu magħhom. Sostniet ukoll li mid-Direttorat tal-Edukazzjoni qalulhom li ma jistgħux jirtiraw mill-kors għax inkella jitilfu l-500 ewro li ħallsu.

Il-persuna li tkellmet magħna spjegat li dawn is-70 LSA iħossuhom irrabjati għax ma jistgħux jifhmu kif biex jagħmlu l-kors qalulhom li jridu jħallsu fi żmien ġimgħa, iżda issa li l-kors għadu ma bediex mhux se jħalluhom jirtiraw għax inkella jitilfu l-flus kollha li ħallsu.

Segwi l-kummenti tal-LSA f’dan il-filmat.