Internazzjonali

Qtil bla sens fl-Istati Uniti: Sparalha wara li talbitu biex ma jpejjipx ġo ristorant

Mara impjegata bħala waitress ma’ ristorant, fl-Istat Amerikan ta’ Mississippi, qalet tiri ta’ arma fatali wara li avviċinat wieħed mill-klijenti tagħha u talbitu biex jitfi s-sigarett.

L-inċident seħħ fi tmiem il-ġimgħa meta l-vittma, Julia Brightwell, kienet qed tistaqsi lill-klijenti tar-ristorant – tat-tip Waffle House – dwar kif huma qattgħu l-festa tradizzjonali tat-Thanksgiving. Hi kienet ilha ħafna taħdem mal-istabbiliment inkwistjoni u l-klijenti li l-aħħar rawha ħajja qalu li ‘hi baqgħet tkompli man-nies avolja kienet għajjiena’.

Sadanittant, l-awtoritajiet identifikaw il-qattiel ta’ Brightwell bħala Johnny Max Mount, bil-pulizija ssostni li dan ir-raġel ħareġ pistola ‘bil-kalma kollha’ u spara għall-waitress meta hi qaltlu biex ma jpejjipx fl-istabbiliment tagħha.

Imkejjen infurmati qalu li Mount, li għandu 45 sena, u li għamel żmien jagħti servizz bħala membru ta’ skwadra għat-tifi tan-nirien, kien indarab serjament waqt inċident tat-traffiku li jmur lura għall-2002.