Lokali Saħħa

Rabja mill-podjatristi wara kummenti dispreġjattivi minn Manwel Cuschieri

L-eks President tal-Partit Laburista u preżentatur fuq ir-radju Laburista Manwel Cuschieri għażel li jiddeskrivi l-professjoni tal-podjatristi b’mod dispreġjattiv, tant li qanqal rabja kbira fost il-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.

Minkejja li l-podjatrija teħtieġ erba’ snin ta’ studju fl-Università ta’ Malta, Manwel Cuschieri rrefera għall-professjonisti f’dan il-qasam bħala “dawk li jaqtgħu id-dwiefer”, deskrizzjoni li għal ħafna hija insulenti.

Dan il-kumment qanqal rabja kbira fost il-podjatristi. Uħud li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li jinsabu urtati b’dan il-kumment li juri n-nuqqas ta’ rispett li Manwel Cuschieri għandu lejn din il-professjoni. Oħrajn spjegaw li l-kumment tiegħu seta’ kien imqanqal minn nuqqas ta’ għarfien dwar x’tirrikjedi din il-professjoni.

Skont il-kodiċi dwar l-etika professjonali, il-podjatrija hija professjoni medika li tinvolvi id-dijanjosi ta’ mard u kundizzjonijiet fis-sieq. Tinkludi wkoll it-trattament kirurġiku, mekkaniku jew fiżiku ta’ kwalunkwe problemi fis-sieq.

Manwel Cuschieri għamel dan il-kumment dispreġjattiv f’post fuq Facebook, biex ifaħħar lill-Ministru Chris Fearne talli laħaq ftehim mal-UĦM, liema ftehim wassal biex intemm strike mill-podjatristi. Il-podjatristi kienu qed jobdu direttivi industrijali talli l-Gvern dam aktar minn sena biex daħħal fis-seħħ ftehim li kien laħaq mal-UĦM bl-iskop li titjieb il-professjoni tal-podjatrija.

Fil-post tiegħu, Mawel Cuschieri kiteb hekk: “Wara ġimgħat sħaħ fuq strike, permezz ta’ ħidma intensiva mill-Ministru Dr. Chris Fearne, mil-lum, il-Padoloġisti (dawk li jaqtgħu id-dwiefer), ġew lura għan-normal, u qed jerġgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom!!!”.

manwel cuschieri

Podjatristi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li l-mod kif Manwel Cuschieri ddeskriva l-professjoni tagħhom huwa tal-mistħija. Qalulna wkoll li minkejja t-tifħir ta’ Manwel Cuschieri għall-Ministru Chris Fearne, jinsabu infurmati li l-Ministru l-anqas biss attenda l-laqgħat li saru bejn il-UĦM u l-uffiċjali tal-Ministeru tas-Saħħa.

Iffaċċjat minn kritika qawwija mill-podjatristi, aktar tard, Manwel Cuschieri biddel il-post u neħħa l-frażi “dawk li jaqtgħu id-dwiefer”.

Manwel Cuschieri edit history

Din mhux l-ewwel darba li Manwel Cuschieri spiċċa fl-aħbarijiet għall-mod kif jitkellem online. Fix-xhur li għaddew attakka lill-Arċisqof, attakka lil dawk li “jimbarazzaw” lill-Gvern Laburista u attakka lill-eks Kunsillier Laburista Ivan Bartolo.