Lokali

Rabja wara li allegatament inġarr katavru fuq il-vapur t’Għawdex

Numru ta’ passiġġieri li lbieraħ qabdu l-vapur tal-Gozo Channel li ħalla Għawdex lejn Malta f’nofsinhar esprimew l-għadab tagħhom wara li allegatament fuq il-vapur ittellgħet karozza tal-mejtin b’katavru fiha.

Skont il-liġi, karozza tal-mejtin bil-katavru fiha ma tittellax fuq il-vapur mal-passiġġieri u normalment il-ġarr isir permezz ta’ lanċa.

Dan is-sit mhux f’pożizzjoni li jikkonferma jekk it-tebut fil-karozza tal-mejtin, li ġiet ipparkjata mal-karozzi l-oħra fuq il-vapur, kienx fih verament katavru, inkella t-tebut kien vojt.

Madankollu persuna li għamel kuntatt ma’ dan l-istazzjon spjega li hu għamel rapport lill-Pulizija. “Ċempilt id-Depot imma għal ħin twil bdew jgħadduni minn persuna għall-oħra. Fl-aħħar qabbduni ma Spettur li reġa’ qalli li se jgħaddini ma ħaddieħor, imma għidtlu li jien irrid nagħmel rapport mhux ngħaddi minn post għall-ieħor għalxejn,” spjega b’dispjaċir dan ir-raġel li skont hu kien hawn li dan l-uffiċjal qallu: “Mela nieqfu hawn.”

“Għadni kif tlift lil ibni, u karozza tal-mejtin ipparkjata maġenb il-karozza tiegħi b’tebut fiha ġabitli dispjaċir u memorji koroh,” temm dan ir-raġel.