Lokali

Radio 101 illum jagħlaq 25 sena

Nhar is-Sibt, 28 ta’ Settembru 1991, għexieren ta’ persuni nġabru fi Triq Sant’Andrija f’San Ġwann biex jaraw it-twelid ta’ Radio 101.

Kien ftit wara d-9pm meta l-jingle “Your Kind of Music” u l-kanzunetta “Imagine” ta’ John Lennon interpretata mill-grupp Malti Getting Closer fetħu s-separju għall-istazzjon, li llum qed ifakkar il-25 sena minn meta beda jkun magħkom 24 siegħa kuljum.

L-ewwel xandira tmexxiet minn Charles Saliba, John Bundy u Jackie Bartolo, filwaqt li qabel il-ftuħ uffiċjali saru diskorsi mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami, mill-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Austin Gatt u mill-ewwel Chairman ta’ Radio 101 Lou Bondi.

Sa mill-bidu tiegħu, Radio 101 kellu wkoll Kamra tal-Aħbarijiet b’numru ta’ ġurnalisti, li sa minn dakinhar kienu jwasslu aġġornamenti kull siegħa. Radio 101 kien fost l-istazzjonijiet ewlenin li fetħu f’dik is-sena grazzi għall-proċess tal-liberalizzazzjoni fix-xandir frott il-viżjoni tal-Gvern Nazzjonalista.

Minn dakinhar ‘il quddiem Radio 101 qatt ma ħares lura u tul dawn is-snin offra l-aħjar għażla għal kull sezzjoni tas-soċjetà – minn programmi kulturali, mużikali u informattivi għal diskussjonijiet bis-sehem tat-telefonati, programmi sportivi, qari bil-Malti u aktar.

Wara biss seba’ xhur mill-ftuħ, Radio 101 sar l-ewwel stazzjon f’pajjiżna li xandar kunċert live minn barra minn Malta. Fil-fatt, fl-20 ta’ April 1992, Radio 101 xandar it-Tribute Concert ta’ Freddie Mercury f’xandira diretta minn Wembley Stadium.

Fl-1 ta’ Frar 1998, l-istudios ta’ Radio 101 ġew amalgamati mal-istruttura ta’ Media.Link Communications u minn San Ġwann, l-istazzjon iċċaqlaq lejn Tal-Pietà. Dan il-pass għen b’qabża oħra fil-kwalità tal-apparat u s-servizz offrut.

Fl-14 ta’ Diċembru 1999, isem l-istazzjon inkiteb ukoll fil-Guinness World Book of Records b’xandira ta’ 50 siegħa maratona bla waqfien. Dakinhar, kienu nġabru Lm80,000 f’donazzjonijiet biex seta’ jinxtara l-Outside Broadcasting Unit ta’ NET Television.

25 sena wara t-twelid tiegħu, Radio 101 qed ikompli jħares ‘il quddiem. Fil-fatt, permezz tal-iskeda l-ġdida tiegħu, li bdiet it-Tnejn li għadda, l-istazzjon ra li jinkludi varjetà qawwija ta’ programmi. It-tmexxija tal-istazzjon ħadmet biex Radio 101 issa se jara wkoll ir-ritorn ta’ numru ta’ DJs, aktar programmi sportivi u anke programmi għall-ġenerazzjoni żagħżugħa.