Lokali

Raġel jindarab gravi wara li waqa’ fid-dlam fil-Foss tal-Furjana

Raġel Malti li jgħix barra iżda jinsab f’Malta għal vaganza, kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza wara li sofra feriti gravi wara li waqa’ fil-Foss tal-Furjana. Ir-raġel, li kien ma’ mara oħra jistenna l-karozza tal-linja fil-Foss tal-Furjana, spiċċa vittma tad-dlam kbir li kien hemm fiż-żona, għaliex fin-nuqqas ta’ dawl, waqt li kien qed jimxi, waqa’ u sofra ġrieħi gravi f’wiċċu.

netnews.com.mt hu infurmat li d-dwal tal-Foss tal-Furjana fl-ebda ħin ma nxtegħlu llum, u dan minkejja l-fatt li din iż-żona se tkun qed tospita mijiet, jekk mhux eluf, ta’ persuni, hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa, fil-Belt Kapitali ta’ pajjiżna se jkunu qed jiġu organizzati n-Notte Bianca u Science in the City.

Ftit wara li r-raġel waqa’ u sofra l-ġrieħi f’wiċċu, ġiet ambulanza li ħadet minnufih lir-raġel l-Isptar Mater Dei fejn qed jingħata l-kura neċessarja.