Lokali

Rapport annwali tal-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli : 6 persuni mposta fuqhom restrizzjoni fuq l-attivita’ pastorali tagħhom

Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u Adulti Vulnerabbli fi ħdan il-Knisja ppreżentat lill-mezzi tax-xandir ir-rapport annwali għall-2015. Rapport li jispjega kif matul is-sena, żewġ terzi tal-ilmenti li kienu jinvolvu minuri ġew konklużi f’anqas minn sitt xhur.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret b’mod informali biex ikun spjegat ir-rapport, il-Kap tas-Safeguarding Commission Andrew Azzopardi spjega kif minn 27 ilment li rċeviet il-Kummissjoni fl-2015, kien hemm każ wieħed fejn l-allegazzjoni kienet sostanzjata u l-Kummissjoni rrakkomandat li jittieħdu passi.

Hu spjega wkoll kif jista’ jkun hemm ilmenti li jew ma jkunux ġew ippruvati forsi għax l-allegazzjoni kienet falza jew saħansitra tkun saret b’mod malizzjuz. Hemm imbagħad ilmenti li ma jitrattawx abbuż.

Ir-rapport jgħid kif sa Diċembru, kienu qed jiġu investigati seba’ lmenti li f’ħamsa minnhom kellha ssir restrizzjoni fuq l-attività pastorali tal-persuna li l-akkużi jkunu saru fil-konfront tagħha.

Iżda r-rapport ma jitrattax biss ilment b’rabta ma’ abbużi fil-konfront tat-tfal, iżda anke fil-konfront ta’ adulti meqjusa bħala vulnerabbli. Dwarhom, ir-rapport jgħid li 70% tal-ilmenti ġew konklużi f’anqas minn sitt xhur, b’14-il każ li minnhom tlieta ġew sostanzjati u l-Kummissjoni rrakkomandat biex jittieħdu l-passi.

Fil-każ ta’ lmenti dwar abbuż fuq adulti vulnerabbli, kien hemm każ li kellha tiġi imposta restrizzjoni fuq l-attività pastorali tal-persuna. Andrew Azzopardi kompla jispjega li biex dwar il-każ tinfetaħ investigazzjoni kriminali, il-Kummissjoni jrid ikollha l-permess mingħand il-persuna li tkun għamlet l-ilment.

Fuq kollox, dan ir-rapport joħroġ bi tliet rakkomandazzjonijiet prinċipali: it-twaqqif ta’ awtorità indipendenti għall-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli, li jkun hemm qsim ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet bħall-Pulizija, il-Kummissjoni tal-Knisja u l-awtorità indipendenti, kif ukoll biex tkun riveduta l-proċedura li twassal biex l-ismijiet ta’ persuni jitpoġġew fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri.