Internazzjonali

Rapport dwar il-Libja jitfa’ ‘dawl ħażin’ fuq Hillary Clinton

Rapport li mexxa l-Partit Repubblikan dwar l-attakki qattiela tal-2012 fuq il-konsulat Amerikan ta’ Benghazi jgħid li Hillary Clinton, bħala l-eks Segretarju tal-Istat, ‘messha rrealizzat’ li l-estremisti kienu qed jimponu theddida għall-Uffiċjali tal-Istati Uniti, fil-Libja.

Il-Benghazi Panel twaqqaf f’Mejju tal-2014 biex jinvestiga l-attakki tal-11 ta’ Settembru tal-2012 fuq kumpless diplomatiku Amerikan u ċentru tas-CIA (f’dik il-belt Libjana) fejn inqatlu erba’ Amerikani, fosthom l-Ambaxxatur Chris Stevens.

Filwaqt li Hillary Clinton ilha żmien li spiċċat minn Segretarju tal-Istat u llum qed tistenna n-nomina uffiċjali tal-Partit Demokratiku biex tikkuntesta f’ismu għall-Presidenza tal-Istati Uniti, il-każ ‘ta’ Benghazi’ baqa’ jissemma bħala issue, matul il-kampanja tagħha.

Kumitat tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington ħadem b’mod partikulari fuq dan ir-rapport li investiga kif il-Gvern tal-President Amerikan, Barack Obama, ħa ħsieb l-inċident ta’ snin ilu, f’Benghazi.

L-informazzjoni sigrieta fir-rapport, intant, tissuġġerixxi li ‘attakk kien possibbli f’Settembru tal-2012’ u li Clinton, flimkien ma’ kollaboratur ewlieni li jismu Patrick Kennedy, ‘kellha tirrealizza s-sogru għall-missjoni diplomatika f’Benghazi’.

Siltiet tar-rapport li ħarġu ftit qabel il-pubblikazzjoni tiegħu qalu li ‘mhux ċar x’tip ta’ informazzjoni sigrieta addizzjonali, aktar minn attakk, seta’ jissodisfa lil Clinton jew lil Kennedy li l-missjoni (Amerikana) ta’ Benghazi kienet qed tiffaċċja livell ta’ sogru sinjifikanti.’

Ir-rapport finali hu r-riżultat ta’ aktar minn sentejn ħidma u t-tfassil tiegħu sewa madwar $7 miljuni.

Intant, il-Partit Demokratiku ta’ Clinton sostna li hi (Clinton) ma ħaditx azzjoni li ħaqqha tkun ikkritikata fiċ-ċirkustanzi. Dan meta d-Demokratiċi kienu qed jistennew li ‘r-rapport finali tar-Repubblikani jkun attakk fuq Clinton bi skop politiku’.