Internazzjonali

Rapporti li ajruplan Russu twaqqa’ minn qawwiet tat-Turkija

Sensiela ta’ rapporti li ma kenux ikkonfermati u li dehru fuq il-medja soċjali qalu li ajruplan tal-gwerra tar-Russja twaqqa’ mill-qawwiet Torok wara li daħal fl-ispazju tal-ajru tat-Turkija.

Xhieda fl-inħawi qalu li kienu raw splużjoni kbira f’Huraytan, fit-Tramuntana tas-Sirja, fejn dehru tliet fighter jets fiz-zona. Hu allegat li ajruplani tal-gwerra Torok ‘irreaġew’ f’sitwazzjoni fejn ajruplani Russi tat-tip Mig-29 iffissaw ir-radar għal fuqhom.

Il-Gvern tat-Turkija għadu ma kkummentax dwar l-allegat inċident, bil-militar tar-Russja ma joħroġ l-ebda stqarrija uffiċjali.

Fil-preżent hemm tensjoni kbira bejn il-President Russu Vladimir Putin u l-Punent wara li ajruplani tal-gwerra tar-Russja, fl-aħħar jiem, abbużaw l-ispazju tal-ajru tat-Turkija.

Dan meta r-Russja qed twettaq sensiela ta’ attakki mill-ajru kontra miri fis-Sirja, b’Moska tinsisti li qed tikkonċentra fuq inħawi kkontrollati mill-militanti tal-ISIS.

Madankollu, l-osservaturi nnutaw li l-attakki mill-ajru tar-Russja dehru aktar ikkonċentrati fuq il-qawwiet tal-Oppożizzjoni Sirjana li huma theddida għall-Gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad li hu alleat kbir ta’ Moska. L-istess osservaturi qalu li l-kampanja mill-ajru tar-Russja tidher li dgħajjfet lir-ribelli tal-Oppożizzjoni, bl-ISIS, bħalissa, qed jiggwadanjaw mis-sitwazzjoni.