Internazzjonali

Referendum kontroversjali fl-Ażerbajġan

Il-poplu tal-Ażerbajġan, it-Tnejn, ivvota f’referendum kontroversjali rigward żieda ta’ poteri għall-President tal-pajjiż, Ilham Aliyev, li ilu s-snin fil-kariga. Dan waqt li l-Oppożizzjoni u l-gruppi favur id-drittijiet umani kkritikaw il-bidliet kostituzzjonali proposti bħala ‘miżuri li mhumiex demokratiċi’.
L-emendi proposti għandhom jestendu l-mandat tal-President minn ħames għal seba’ snin. Dan minbarra li titwaqqaf pożizzjoni influwenti ġdida fuq il-bażi ta’ Viċi-Presidenza u fejn ma tibqax valida l-età minima stabbilita ta’ 35 sena għall-persuni li jridu jikkuntestaw għal President tal-Ażerbajġan.
L-esperti dwar il-liġi Kostituzzjonali mal-Kunsill tal-Ewropa qalu li l-abbozz għall-modifikazzjonijiet fil-Kostituzzjoni tal-Ażerbajġan ‘għandu jaqleb serjament il-bilanċ tal-poter fejn il-President tal-pajjiż jingħata l-poteri bla preċedent’.
Aliyev ilu fil-poter mill-2003 wara li wiret il-poter minn missieru, Heydar, li kien ilu jmexxi minn żmien l-Unjoni Sovjetika.