Kurżitajiet

Reklam tal-Missierna ma jitħalliex jixxandar “għax jista’ joffendi”

Swali taċ-ċinema fir-Renju Unit ma ħallewx jintwera reklam li jippromwovi t-talba tal-Missierna imma fl-istess ħin baqgħu jxandru reklami ta’ alkoħol u logħob vjolenti qabel films tat-tfal.

Id-deċiżjoni tal-kumpanija li tbiegħ ir-reklamar fi tliet ktajjen ta’ swali taċ-ċinema importanti fir-Renju Unit, ittieħdet għaliex skont hi, ir-reklam tal-Knisja Anglikana jista’ jitqies offensiv. Ir-reklam ta’ minuta kellu jibda jixxandar qabel jintwera l-film ġdid ta’ Star Wars, qabel il-Milied.

Il-kumpanija qalet li wara r-referendum għall-indipendenza tal-Iskozja, fejn kienet xandret reklamar fiċ-ċinema b’messaġġi favur u kontra l-indipendenza, issa ħadet id-deċiżjoni li ma xxandar ebda reklamar li jippromwovi twemmin politiku jew personali.

Id-deċiżjoni tqieset bħala waħda ridikola mhux biss mill-mexxejja tal-Knisja Anglikana imma anke minn mexxejja Musulmani, Membri Parlamentari Ingliżi u anke mill-ateu Richard Dawkins.

L-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby, qal li r-reklam ‘joffendi’ daqs kemm jistgħu joffendu għanjiet tal-Milied jew quddiesa f’Jum il-Milied.

Ir-reklam juri lill-Arċisqof miexi minn ġnien u jgħid linji mit-talba tal-Missierna. Il-bqija tal-linji jgħiduhom tfal, uffiċjali tal-pulizija, irġiel sportivi, bdiewa, refuġjati u anke kor gospel. Fl-aħħarnett, ir-reklam juri l-indirizz JustPray.uk li hu sit li permezz tiegħu jiġu disseminati talbiet permezz tal-midja soċjali. Ir-reklam ingħata l-permess mill-Awtorità tar-Reklamar għaċ-Ċinema u ngħata l-klassifikazzjoni U, jiġifieri kien meqjus tajjeb għal kull tip ta’ udjenza.

Kelliem għall-Knisja Anglikana qal li d-deċiżjoni tal-kumpanija tar-reklamar hi waħda li taħsad għax qed tillimita libertajiet tal-bniedem fosthom tal-espressjoni.