Internazzjonali

Renzi:Il-Libja tista’ tkun ‘l-emerġenza l-ġdida’ minħabba l-ISIS

Il-President Franċiż Francois Hollande u l-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi sostnew li l-potenzi tad-dinja jeħtieġ li jżidu l-isforzi biex iwaqqfu lill-ISIS milli jaħtfu aktar territorju fil-Libja. Fl-istess ħin, huma jemmnu li l-potenzi jeħtieġ li jsostnu l-kumbattimenti kontra t-terroristi tal-ISIS fl-artijiet tal-Iraq u s-Sirja.
Hollande u Renzi, li ltaqgħu f’Pariġi, sostnew it-tħassib li nuqqas ta’ stabbiltà fil-Libja qed jikkontribwixxi għal sitwazzjoni ideali biex l-ISIS jikber u jiżviluppa. Fil-fatt, Matteo Renzi rrefera għall-possibbiltà li l-Libja tiżvolġi ‘bħala l-emerġenza l-ġdida’.
Franza, intant, qed tinsisti għal koalizzjoni kbira ta’ potenzi bil-missjoni li teqred lill-ISIS bħala network terroristiku. Fl-istess ħin, Hollande, li pajjiżu qed jistejqer mill-attakki tat-13 ta’ Novembru mill-ISIS f’Pariġi, tkellem dwar il-ħtieġa ta’ Gvern Libjan għall-għaqda nazzjonali biex tispiċċa l-anarkija fil-Libja.
Filwaqt li Matteo Renzi jappoġġja l-idea ta’ koalizzjoni estiża kontra l-ISIS, hu ma impenjax xi forma ta’ appoġġ militari ġdid mill-Italja għall-ġlieda kontra t-terroristi fis-Sirja. Dan fi żmien meta l-ajruplani tal-gwerra ta’ Franza qed ikomplu bil-bumbardamenti fuq il-miri u l-interessi tal-ISIS.
Il-Prim Ministru Taljan irrefera għat-taħditiet internazzjonali li se jippruvaw isibu soluzzjoni politika tal-konflitt fis-Sirja u qal li qegħdin jikkonċentraw fuq il-proċess ta’ Vjenna (għas-Sirja). Hawnhekk, Renzi spjega li huma impenjati biex tinfetaħ aktar din it-tieqa għad-diplomazija, ħalli tinkludi l-Libja.
Għaldaqstant, skont Renzi, se tkun ħaġa fundamentali li kulħadd jagħti prijorità assoluta lid-dossier dwar il-Libja li qed tissogra li tiżviluppa fil-kriżi l-kbira li jmiss.
In-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-ISIS ikkonsolida postu fl-inħawi ċentrali tal-Libja fost il-qtil sistematiku tan-nies u atroċitajiet li jinkludu l-qtugħ tal-irjus tal-priġunieri.