Futbol Sport

Replay Preview jirritorna mill-lejla fid-9pm fuq Net Television

Illejla fid-9pm jirritorna l-programm Replay Preview fuq Net Television. Dan il-programm sportiv, li kien suċċess kbir fl-iskeda li għaddiet ta’ Net Television, hu l-uniku preview show sportiv kollu kemm hu ddedikat għall-futbol lokali. F’dan il-programm ikun hemm servizzi u intervisti qabel kull partita, mhux biss mill-Kampjonat Premier iżda anke mid-diviżjonijiet l-oħra partikolarment il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Għal din l-iskeda dan il-programm se jkun qed jiġi ppreżentat minn Sarah Agius bi produzzjoni ta’ Christian Micallef u Stephen Chircop, waqt li Roderick Vella u Stewart Said se jkunu qed jgħinu fil-produzzjoni.

Fl-ewwel programm tal-lejla se jkun hemm ħarsa speċjali lejn il-partita ta’ għada mill-Kampjonat Premier bejn Sliema Wanderers u Floriana, b’intervisti maż-żewġ kowċis rispettivi John Buttigieg u Giovanni Tedesco u mal-plejers Alex Muscat u Justin Haber. Abbinat ma’ din il-partita se jkun hemm servizz speċjali mir-rokna ‘Eku tal-Passat’ fejn illum se naraw kif żvolġa l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni fl-istaġun 1969/70 meta Floriana u Sliema Wanderers kienu tħabtu direttament kontra xulxin għal min mit-tnejn kien se jirbaħ it-titlu ta’ champions ta’ Malta. Se jkun hemm ukoll servizz dwar il-partita l-oħra ta’ għada mill-Kampjonat Premier, Pembroke Athleta kontra Tarxien Rainbows. Anke hawnhekk ma jonqsux l-intervisti mal-kowċis u l-plejers taż-żewġ naħat waqt li jitwasslu l-aħħar aħbarijiet rispettivi qabel il-logħba ta’ għada.

Mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni se jkun hemm ħarsa estensiva lejn il-partiti li se jkunu qed jintlagħabu bejn illum u għada, b’referenza speċjali lejn żewġ partiti bejn żewġ ġirien ta’ xulxin; Vittoriosa Stars kontra Senglea Athletic u Qormi kontra Marsa. Il-partitarji ta’ dawn il-klabbs huma mħeġġa sabiex isegwu l-programm tal-lejla għaliex se jkun hemm intervisti mal-kowċis u plejers rispettivi.

Mir-rokna ‘X’Sar Minnhom?’, il-mistieden ta’ Christian Micallef se jkun l-eks plejer internazzjonali Malti, Joe Brincat fejn jitkellem dwar diversi temi interessanti li sawwru l-karriera tiegħu u għamluħ wieħed mill-aqwa plejers tal-futbol lokali tas-snin 90 u l-bidu tal-millenju l-ġdid.

Replay Preview qed jitwassal bl-appoġġ ta’ numru ta’ sponsors li huma: Videoslots.com, Cheeky Monkey Gastropub tal-Qawra, Konica Minolta, Lannutti u Jet Freight, Weetabix Protein, Malta Football Association, Optica u Dizz Group of Companies. Intant nhar il-Ħadd li ġej jibda ukoll il-programm Replay tal-Ħadd filgħaxija fil-ħin tad-9:30pm fuq Net Television bil-presentazzjoni ta’ Christian Micallef. Għal aktar informazzjoni dwar il-programmi Replay u l-aħħar aħbarijiet dwar il-futbol lokali, b’ritratti u videos esklussivi, żuru l-paġna ta’ Replay fuq Facebook.