Lokali

Reshuffle “farsa” u kożmetika

B’dak li tħabbar ilbieraħ, l-istess trio ta’ politiċi se jibqa’ jmexxi s-settur tal-enerġija minn Kastilja – Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-Prim Ministru innifsu. Hekk qed jirrapurtaw il-ġurnali dalgħodu, bit-Times of Malta tgħid illi dan huwa reshuffle farsa.

The Malta Independent fil-faċċata tgħid illi dak li ħabbar Muscat ilbieraħ huwa biss kożmetiku, għaliex l-istess nies għadhom f’Kastilja jmexxu. L-editorjal tal-istess gazzetta jgħid li l-musical chairs ta’ Muscat taw aktar poter lill-Ministru Konrad Mizzi.

L-Orizzont fil-faċċata jagħtina ritratt ta’ dawk li huwa jsejjaħ bħala “il-protagonisti”. Fir-ritratt hemm mhux biss Konrad Mizzi, li żamm postu f’Kastilja, iżda anke Manwel Mallia li rritorna bħala Ministru.

L-editorjal tat-Times jgħid illi Muscat qed ikompli jiffaċja kritika nazzjonali – ċanfira mill-istess eluf ta’ nies li xi darba kienu jafdawh.

Skont l-editur tal-Independent Stephen Calleja, Manwel Mallia – għax mexa ħażin – ħa promotion mingħand Muscat. Calleja jgħid li l-Gvern qed jegħreq fl-abbissi, għaliex il-Prim Ministru għandu idejh marbuta. Jinsisti li Joseph Muscat għandu jwarrab minn Kastilja, u jintefa’ jikteb il-pantomimi.