Lokali

‘Residenta’ ġdida f’San Blas issib fsied, attenzjoni u mħabba

Rapport : Joe Cassar / Ritratt : Matthew Tabone

Fil-Komunità Terapewtika Kontra l-Abbuż tad-Drogi f’San Blas, ċentru mmexxi minn Caritas Malta fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ, minn ftit jiem ilu sabet postha ‘residenta’ ġdida li minkejja li għadha bilkemm drat il-post sew, sabet mill-ewwel l-attenzjoni, il-fsied u fuq kollox imħabba ġenwina kemm mill-istaff taċ-Ċentru kif ukoll – u forsi aktar u aktar – mir-residenti li bħalissa qegħdin jagħmlu l-programm fit-tfittxija tagħhom għal ħajja aħjar.

Jeffrey Muscat, Kap tas-sezzjoni magħrufa bħala x-Shelter f’San Blas f’intervista mal-ġurnal in-Nazzjon qal li l-kelba ġiet apposta wara kuntatti li kellhom mal-grupp Malti ‘Adopt a Sicilian Stray Community’ li min-naħa tagħhom issuġġerew x’tip ta’ kelba kellhom iġibulhom. Dan il-grupp iltaqa’ miegħu b’koinċidenza fuq facebook.

 

Il-proċess ma kienx daqshekk straight forward daqskemm forsi wieħed jista’ jaħseb. Il-grupp li jieħu ħsieb iġib Malta l-istray dogs minn Sqallija ma jaqbadx u jagħti l-pet kif ġieb u laħaq. Hemm proċeduri li jridu jkunu segwiti b’serjetà. Madankollu żjara fil-post u ftit minuti mat-tmexxija tax-shelter f’San Blas kienu biżżejjed biex min iġib il-klieb serrħu rashom li l-kelba se tkun f’idejn tajba u f’ambjent akkoljenti.

kelba caritas 3

Mal-wasla tal-kelba f’San Blas fid-19 ta’ dan ix-xahar, biċ-ċertifikati meħtieġa u, sorprendentement għalija, bil-passaport bir-ritratt tagħha fuqu daqslikieku kienet persuna umana, ir-residenti daru magħha u sa mill-ewwel mumenti ġegħluha tħossha komda. Ikellmuha, jerfgħuha, jilagħbu magħha, ifissduha.

 

Wieħed mir-resident, mal-ġurnalist ddeskriva l-wasla ta’ din il-kelba bħala  “Wens. Għalija tfisser wens”, u sostna l-kelba hi parti mit-terapija b’dan ix-xelter.

Ir-resident qal, “ġieli nkun qiegħed xi ftit ħażin u jien u għaddej nara l-kelba tagħmel xi ħmerija, iddaħħakni u naqbad niġri warajha u nilgħab magħha. Jien nemmen ħafna bl-animal therapy u aħna qed inħossuna tajbin magħha u naħseb li anki hi qed tħossha tajjeb magħna.”

Donna kienet ixxurtjata li mit-toroq ta’ Sqallija sabet ambjent daqstant sabiħ ta’ mħabba u għożża. Kif wieħed jittama li jsibu wkoll ir-residenti kollha li qed jieħdu ħsiebha hekk kif jirritornaw fis-soċjetà wara l-programm ta’ riabilitazzjoni li toffri Caritas Malta.

kelba caritas 2