Internazzjonali

RITRATT: Tifla ta’ 9 xhur żbarkat Lampedusa weħidha; 80 immigrant ieħor imutu fil-Mediterran

Dan ir-ritratt dar id-dinja u qasam il-qlub. Din hija tifla ta’ 9 xhur li waslet fil-gżira ta’ Lampedusa weħidha. Ommha, li kienet tqila, mietet fil-vjaġġ. Il-Gwardja tal-Kosta Taljana salvat lil din it-tifla mill-għarqa. Illum tinsab f’kundizzjoni tajba.

TRAĠEDJA AKBAR FL-AĦĦAR 24 SIEGĦA

L-istorja ta’ din it-tifla ċkejkna hija kunsidrata bħala kapitlu ieħor ta’ dramm ikrah immens li qed jiżviluppa fil-Mediterran.

Issa l-Aġenzija Reuters qed tirrapporta illi mat-80 immigrant mietu fil-baħar fi traġedja oħra ‘il barra mill-kosta Libjana. Reuters qed tikkwota sorsi fil-Gwardja tal-Kosta, illi irnexxielhom isalvaw mal-24 ruħ.

Dan huwa t-tieni każ traġiku marbut mal-immigrazzjoni wara li lbieraħ inqalbet dgħajsa b’500 immigrant abbord. Il-vittmi f’dan il-każ kienu ħamsa.