Lokali

RITRATTI: Raġel imut eżatt wara l-Maratona ta’ Malta

Raġel ta’ 55 sena miet traġikament wara li pparteċipa fil-Maratona ta’ Malta.

Minn informazzjoni li għandu NETnews.com.mt, ir-raġel kellu bżonn l-assistenza medika għall-ħabta ta’ nofsinhar ftit metri bogħod mill-finish line f’Tas-Sliema.

Persuni li raw l-inċident iseħħ qalulna li r-raġel miet madwar 50 metru biss bogħod mill-finish line. Il-Maratona ta’ Malta kellha distanza ta’ 42,600 metru filwaqt li n-Nofs Maratona saret fuq distanza ta’ 21,300 metru.

Hemmek hu ngħata l-ewwel għajnuna mill-paramediċi li kienu fil-post f’każ ta’ emerġenza. Madanakollu, r-raġel kellu jittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura u attenzjoni medika. Madanakollu, sfortunatament, ir-raġel tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.

Ir-raġel hu ta’ nazzjonalità Ingliża u infetħet inkjesta Maġisterjali biex ikun stabbilit x’wassal għall-mewt tiegħu, għalkemm kollox qed jindika li miet minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maratona ta’ Malta kien hemm attendenza rekord ta’ madwar 4,200 persuna li nofshom kienu barranin.

maratona 4

maratona 2

Ritratti: Jon Borg